Dwarna
Il-parroċċa twaqqfet fl-1921. Il-knisja parrokkjali tagħha hija ddedikata lill-Preżenza Reali ta' Ġesù fl-Ewkaristija u bħala parti mill-missjoni tagħha tenfasizza d-devozzjoni lejn is-Sagrament Qaddis tal-Artal.
Il-Presbiterju:
Kan. Edward Vella
Amministratur Parrokkjali
Mons. Mikiel Mintoff
Saċerdot residenti
Identità
Din l-istemma saret f’għeluq il-100 sena tal-Parroċċa tal-Għasri, trid tfakkar fl-identità u l-missjoni Ewkaristika ta’ din il-parroċċa ddedikata lill-Kristu Ewkaristiku Salvatur.
𝑳-𝑬𝒘𝒌𝒂𝒓𝒊𝒔𝒕𝒊𝒋𝒂: 𝒊𝒙-𝒙𝒆𝒎𝒙 𝒍𝒊 𝒎𝒂 𝒕𝒊𝒏ż𝒊𝒍𝒙 𝒍𝒊 𝒉𝒖 𝑲𝒓𝒊𝒔𝒕𝒖 𝑹𝒙𝒐𝒙𝒕.
Bħalma x-xemx iddawwal, issaħħan u tagħti l-ħajja, hekk ukoll l-Ewkaristija, iddawwal il-ħajjitna, issaħħan lill-qlubna bl-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn u timliena bil-ħajja kemm bħala bnedmin kif ukoll bħala nsara. Barra min dan, tfakkarna wkoll, kif spjega tant tajjeb l-Papa Frangisku, li “kull ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija hi bħal raġġ ta’ dik ix-xemx li ma tinżilx li hu Kristu Rxoxt. Meta nieħdu sehem fil-Quddiesa, speċjalment dik tal-Ħadd, inkunu nidħlu fir-rebħa tal-Irxoxt, niddawlu mid-dawl tiegħu, nissaħħnu mis-sħana ta’ mħabbtu. Permezz taċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, l-Ispirtu s-Santu jagħtina sehem fil-ħajja divina li tista’ tibdel dak kollu li hu mortali fina” (Papa Frangisku, Udjenza Ġenerali 22 ta Novembru 2017).
Intagħżel dan l-istil ta’ disinn ta’ Xemx biex ifakkar ukoll il-mument storiku ta’ meta saret l-istemma. Kienet qed tinħadem fit-2 t’ April 2022, fil-ġurnata meta il-Papa Frangisku kien f’Għawdex u għadda mill-akwati tal-Parroċċa tal-Għasri. Filfatt, l-istil tax-Xemx/Ewkaristija jista’ jiġi mqabbel mal-arma tal-ordni reliġjuż li minnu ġej il-Papa, il-Kumpanija ta’ Ġesù: xemx tiddi u tarmi r-raġġi li fiha hemm l-ittri IHS, monogramma ta’ Kristu. L-ittra H għandha fuqha salib. Din l-arma tal-Ordni tal-Kumpanija ta’ Ġesù u hi parti mill-arma uffiċċjali tal-Papa Franġisku.
𝑳-𝑨ħ𝒎𝒂𝒓: 𝑰𝒅-𝒅𝒆𝒎𝒎 𝒔𝒂𝒍𝒗𝒊𝒇𝒊𝒌𝒖 𝒕𝒂’ 𝑲𝒓𝒊𝒔𝒕𝒖
Fl-Aħħar Ċena, Ġesù jgħdilna, “Dan huwa demmi, id-demm tal-Patt, li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet” (Mt 26:28). B’dan id-demm ta’ Kristu, mxerred għal-maħfra ta’ dnubiet aħna ksibna s-salvazzjoni tagħna. Fl-Ittra lil Efesin naqraw: “Aħna wkoll għexna darba mgħarrqa fil-passjonijiet ta' ġisimna; konna nagħmlu l-opri tar-rieda tal-ġisem u fehmietna; konna minna nfusna wlied il-korla, bħall-bqija tal-bnedmin. Imma Alla, għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa ta' l-imħabba kbira li biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma' Kristu - bi grazzja intom salvi. Qajjimna miegħu u qegħedna fis-smewwiet ma' Kristu Ġesù, biex juri fiż-żminijiet li ġejjin l-għana bla qjies tal-grazzja tiegħu bit-tjieba li wera magħna fi Kristu Ġesù. Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b'don ta' Alla; mhux bl-opri, biex ħadd ma jiftaħar. Aħna ħolqien tiegħu, maħluqa fi Kristu Ġesù biex nagħmlu l-opri tajba li Alla ħejjielna minn qabel li għandna nagħmlu” (Efesin 2:1-10).
Din is-salvazzjoni li ġabilna Ġesù bit-tixrid ta’ demmu, liema salvazzjoni tinsab fl-isem u fil-qalb ta’ din il-parroċċa ddedikata lil Kristu Ewkaristiku Salvatur, hi murija fid-demm iċarċar nieżel fuq l-gżira tat-tliet għoljiet. It-tifkira ta’ din is-salvazzjoni hi wkoll parti integrali mill-identita u l-missjoni ta din il-parroċċa.
𝑳-𝑨𝒓𝒎𝒂 𝒕’ 𝑮ħ𝒂𝒘𝒅𝒆𝒙
L-Arma t’ Għawdex hi refernza għad-djoċesi u r-reġjun li fihom tinsab il-parroċċa. Tfakkar ukoll lill-parroċċa fl-identità u l-missjoni Ewkaristika tagħha. Tfakkar li l-Parroċċa tal-Għasri għandha ir-responsabilità li tkabbar u tipromovi d-devozzjoni lejn l-Ewkaristija.
𝑳-𝑰𝒔𝒕𝒊𝒍𝒍𝒂 𝒖 𝒔-𝑺𝒂𝒍𝒊𝒃 𝒕𝒂𝒍-𝑲𝒂𝒗𝒂𝒍𝒍𝒊𝒆𝒓𝒊
Dawn huma b’referenza għall-oriġini tal-parroċċa, li sa minn żmien il-Kavallieri (is-salib bi tmien ponot) kien hawn komunità ta’ nsara fil-lokalità li kellhom devozzjoni kbira lejn il-Madonna tal-Patroċinju (l-istilla). Sinjal ta’din id-devozzjoni hi li din il-knisja żgħira ngħatat it-titlu ta’ Bażilika Minuri.
𝑰𝒍-𝒌𝒆𝒍𝒎𝒊𝒆𝒕 ‘𝑽𝒆𝒏𝒊𝒕𝒆 𝒂𝒅 𝒎𝒆’ – ‘𝑬𝒋𝒋𝒆𝒘 𝒈ħ𝒂𝒏𝒅𝒊’.
Dawn il-kelmiet huma il bidu tal-frażi li qal Ġesù,“Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mattew 11:28). Hi stedina li tfakkar lill-parruċċani Għasrin, lill-Għawdxin u lid-dinja kollha, li Ġesù qiegħed dejjem jistenniena biex jagħtina s-serħan tiegħu dejjem u b’mod speċjali fil-mumenti l-aktar diffiecli tal-ħajja