top of page

Id-19 Ħadd ta'Matul is-Sena B


Jekk wieħed ikun sejjer xi mkien bil-mixi, hemm żewġ affarijiet li mportanti ħafna li jżomm f’moħħu: l-ewwel irid ikun jaf it-triq; ħadd ma jista’ jasal f’post jekk qabel ma jkunx jaf it-triq. It-tieni, jekk wieħed ikun sejjer għal mixja twila jkun jeħtieġ ukoll li jkollu x’jiekol u x’jixrob għaliex jekk jonqsu dawn ftit wara li jitlaq jimxi malajr jibda jħoss l-għatx u anke l-ġuħ u jekk ma jkollux biex isostni ruħu żġur li qatt ma jasal fid-destin tiegħu. Ninnutaw li f’kull quddiesa il-Mulej fl-ewwel parti, permezz tal-Kelma tiegħu, jurina t-triq waħdanija tal-ħajja u fit-tieni parti jagħtina Ġismu u Demmu bħala ikel u xorb biex imantnina sa kemm naslu fis-sema.


Fl-ewwel qari tal-lum rajna kif Alla jibgħat l-Anġlu tiegħu lil Elija li kien fi vjaġġ twil fid-deżert li qallu: “Qum u kul, inkella ma tkunx tiflaħ għall-mixja li fadallek”. Elija qam, kiel u xorob, u bis-saħħa ta’ dak l-ikel baqa’ miexi għal erbgħin jum u erbgħin lejl sa ma wasal Ħoreb, il-muntanja tal-Mulej.’ Jekk Elija kellu bżonn dan l-ikel biex jasal fuq il-muntanja ta’ Alla, aktar u aktar aħna għandna bżonn ikel speċjali biex naslu fid-destin waħdieni tagħna li nkunu ma’ Alla għal dejjem. Il-ħajja hija wkoll vjaġġ, li matulu sfortunatament ħafna jinsew fejn sejrin: Alla lilna wkoll, bħal Elija, f’kull quddiesa jmantnina billi jagħtina l-Ibnu fil-Kelma u l-Ġisem u d-Demm imqaddes tiegħu.


Meta Ġesù qal din il-verità lil-Lhud, huma ma fehmuhx: Ġesù kien qiegħed jitlob minnhom Fidi għamja fih, jiġifieri li jaċċettaw li Hu biss setgħa jaqtagħlhom l-ġuħ u l-għatx ta’ Alla, u dan jagħmlu billi huwa jsir ikel spiritwali għalihom. ‘Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem.’ Żgur li kienu ħafna li sabu kliemu diffiċli, iżda mhux kollha ġabu ruħhom l-istess quddiem din l-isfida: xi wħud qabdu u telqu lil Ġesù għax ma setgħux jifhmu x’qed jgħid, oħrajn, għad li xorta ma fehmux, baqgħu miegħu għax afdaw fil-Kelma tiegħu. ‘...Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja” Dan tabilħaqq wettqu Ġesù fl-aħħar ċena u fuq kollox fuq is-salib meta ta’ ħajtu għalina.


San Pawl fit-tieni qari jurina kif għandna ngħixu l-Ewkaristija: ‘Ħuti, tnikktux l-Ispirtu s-Santu ta’ Alla,... Imrar, saħna, korla, tagħjir, għajjat, dan kollu warrbuh minnkom, u wkoll kull ħażen ieħor. Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu.’ L-Ewkaristija hija esperjenza ta’ mħabba, hija stil ta’ ħajja fejn l-imħabba ssir r-raġuni ta’ dak kollu li wieħed jagħmel, l-imħabba ssir r-raġuni għalfejn wieħed jgħix. Jekk wieħed jieħu sehem fl-Ewkaristija u ma jgħix l-Imħabba jkun qiegħed jgħix ġidba. Nistaqsu lilna nfusna: jien kemm nemmen li għandi bżonn lil Ġesù biex ngħix ħajja bis-sens? Nemmen li l-quddiesa hija l-aqwa mod li bih mhux biss niltaqa’ ma’ Ġesù iżda li nsir ħaġa waħda miegħu? Kemm jirnexxieli ngħaqqad flimkien l-Ewkaristija/quddiesa u l-ħajja tiegħi ta’ kuljum billi ngħix l-imħabba?


Nitolbuk Mulej għinna ħalli filwaqt li nkunu nterrqu din il-mixja li aħna nsejħulha ħajja, ma ninsew qatt li inti dejjem magħna, u li aħna għandna bżonnok biex ma ninsew qatt fejn aħna sejrin u fuq kollox biex tmantnina b’Ġismek u b’Demmek ħalli hekk ġurnata waħda naslu fi ħdan il-Missier fi mħabbtu dejjiema. Ammen.

Comments


bottom of page