top of page

L-20 Ħadd ta'Matul is-Sena B



Il-Quddiesa boring? Int, fil-fond ta’ qalbek, x’taħseb? Jekk nemmnu tabilħaqq dak li ngħidu dwar il-quddiesa, din ma għandha tkun qatt boring. Fl-offertorju, waqt li jkun joffri l-ħobż lil Alla, is-saċerdot jgħid: ‘Imbierek int Mulej Alla tal-ħolqien kollu, għax fi tjubitek tajtna dan il-ħobż li qed noffrulek, frott tal-art u xogħol il-bniedem, li minnu jsir għalina l-ħobż tal-ħajja’. Interessanti l-kelmiet ‘frott tal-art u xogħol il-bniedem’: il-qaddej ta’ Alla dun Mikiel Attard, kien jgħidilna li kull ħaġa trid tkun ‘frott tal-art’, jiġifieri ġejja minn Alla, u ‘xogħol il-bniedem’ jiġifieri l-bniedem irid jagħmel il-parti tiegħu. Iva sfortunatament aħna nistgħu nirrendu l-quddiesa boring.


San Pawl fit-tieni qari tal-lum qalilna: ‘Kantaw flimkien salmi, innijiet u għana spiritwali; kantaw u għannu minn qalbkom lill-Mulej.’ Naħseb li lkoll kemm aħna xi darba rajna, forsi fuq it-TV, x’ħeġġa juru fil-kant dawk li jmorru għal xi kunċert jew waqt xi partita football: tgħid għaliex ħafna drabi meta tkun waqt quddiesa tħoss ċerta telqa; ħafna saħansitra jistħu jwieġbu b’vuċi li tinstema u jkantaw waqt ħin il-kant? Hija weġgħa ta’ qalb tara li waqt dak li suppost huwa l-aktar mument importanti f’ħajjithom, jiġifieri l-mument li fih Alla jiġi biex jiltaqa’ magħna u aħna niġu biex niltaqgħu miegħu, dak il-mument li fih jingħatalna l-akbar rigal li qatt jista’ jingħata, jiġifieri Ġesù, fil-Kelma, u fil-Ġisem u d-Demm imqaddes tiegħu, sfortunatament ħafna juru nuqqas ta’ ħeġġa li ġġagħlek taħseb x’fidi hemm fil-qalb ta’ dawn ħutna.


Ma ninsewx li x-xitan jagħmel ħiltu kollha biex itellifna l-quddiesa; jekk nattendu għal quddiesa regolarment u bil-qalb, huwa żgur li ser ikun tellief fuqna u fuq oħrajn permezz tagħna. L-ispirtu ħażin jaf li l-ewwel pass biex persuna ma tibqax tiġi għall-quddiesa huwa li din tibda tattendi b’nofs qalb jew fuq qalbha: wara xi żmien tixba tiġi, u jekk tibqa’ tiġi sfurzata minn xi obbligu biss, l-għeżież tagħha jkunu jafu u jħossu li dak li qed tagħmel qed tagħmlu mhux għax konvinta minnu, iżda biex teħles minn obbligu jew balla fuq l-istonku. It-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jħossuha mal-ewwel din il-ħaġa, u hija żgur waħda mir-raġunijiet l-aktar komuni għaliex jieqfu jattendu għall-quddiesa anke tal-Ħadd.


Il-Vanġelu tal-lum ikompli ma’ dak ta’ dawn l-aħħar żewġt iħdud u fih naraw li Ġesù mhux talli ma bidilx id-diskors x’ħin sema’ in-nies igergru, iżda talli baqa' jinsisti fuq dak li qal: ‘Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.’ Ġesù, u Ġesù biss, jista’ jaqta’ l-għatx tagħna ta’ Alla, Hu biss jista’ jgħaqqad lilna ma’ Alla u jgħaqqad ’l Alla magħna, u huwa ħallielna l-mod kif nistgħu nsiru ħaġa waħda miegħu, u dan huwa permezz tal-Ewkaristija/il-quddiesa. Għalhekk min jitbiegħed mill-quddiesa ma jistax ma jitbiegħedx minn Alla. Min jgħid: “u mela hemm bżonn tmur il-quddiesa biex titlob”, ikun qiegħed isib skuża biex mingħalih iserraħ il-kuxjenza għax ma jkunx irid imur il-quddiesa: iva biex tiltaqgħa ma’ Alla trid tmur il-quddiesa; Ġesù stess fl-aħħar ċena qalilna, ‘Agħmlu dan b’tifkira tiegħi’. Mela biex niltaqgħa ma’ Alla permezz ta’ Ġesù post il-quddiesa ma jista’ jieħdu ħadd u xejn. Nistaqsu lilna nfusna: X’post għandha l-quddiesa f’ħajti? Kemm nagħti sehemi billi nwieġeb u nkanta b’ħeġġa biex hekk il-quddiesa tkun sabiħa u ħajja?


Mulej Ġesù nixtiequ ngħidulek grazzi mill-qalb ta’ dan ir-rigal tant speċjali li għoġbok tagħtina li permezz tiegħu aħna nistgħu nsiru ħaġa waħda mal-misteru tal-ħajja, mewt u qawmien tiegħek. Għenna ħalli mhux biss ngħożżu l-quddiesa aħna, iżda nsiru appostli tal-quddiesa billi nħeġġu lill-oħrajn jissieħbu magħna f’dan l-akbar mument ta’ grazzja li nistgħu nirċievu matul ħajjitna. Ammen.

bottom of page