Fost il-ħafna affarijiet li aħna nixtiequ fil-ħajja żgur li ma hemmx it-tbatija; aħna mhux biss ma nixtiqux it-tbatija lilna nfusna iżda kieku nixtiqu neħilsu mit-tbatija lil dawk li nħobbu wkoll. Għal din ir-raġuni forsi jidher ma jiftihemx l-ewwel qari tal-lum. F’dan il-qari, mill-ktieb tal-profeta Isaija, nsibu li lill-qaddej tiegħu ‘il-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard’. F’din is-silta mill-Kapitlu 53, il-qaddej ta’ Alla huwa ppruvat bit-tbatijiet, iżda ‘talli joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ riparazzjoni,... r-rieda tal-Mulej isseħħ bih’. Kemm hu diffiċli għalina li nifhmu dan il-messaġġ! Forsi biex jgħinna rridu nimmaginaw missier jew omm li jieħdu lil binhom għadu żgħir għand it-tabib. It-tabib ikollu jagħmel xi ntervent li jġib miegħu wġiegħ fuq binhom li ma jifhimx għaliex il-ġenituri li tant iħobbuh qegħdin jippermettu din it-tbatija fuqu; iżda l-ġenituri jaċċettaw dan kollu għaliex jafu li dan hu ta’ ġid għal binhom.
Huwa ċar li l-milja tal-profezija ta’ Isaija sseħħ f’Ġesù; Alla l-Missier joffri lil Ibnu bħala sagrifiċċju għall-fejqan tad-dinja mill-agħar pandemija li qatt eżistiet, jiġifieri d-dnub. Id-dnub hu l-oppost tal-imħabba, huwa jisraq l-aktar ħaġa għażiża minn qalb il-bniedem jiġifieri l-paċi tal-qalb, ikisser ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, ma xulxin, magħna nfusna u anke mal-bqija tal-ħolqien. Id-dnub hu l-oppost ta’ dak li hu Alla Mħabba. Il-Qaddej sofferenti tal-Mulej ‘wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl, jixba’ bit-tagħrif tiegħu’, Alla ‘jiġġustifika lill-qaddej tiegħu quddiem il-kotra’. Hija l-imħabba nfinita ta’ Alla li twassal biex Ibnu jerfa fuqu l-ħażen tagħna biex jeqirdu, it-tbatija u mard tagħna biex jagħtihom valur u l-ħajja tagħna biex iwassalna fi ħdan il-Missier tas-sema. Fuq kollox is-salib ma għandux l-aħħar kelma fuq il-Qaddej sofferenti ta’ Alla li ‘wara t-tbatija għad għad jara d-dawl’; huwa jgħaddi mit-tbatija u l-mewt iżda biex jasal għall-milja tal-ħajja u jsir għajn ta’ ħajja dejjiema għal kull min jemmen fiH.
Bħalna u bħal dak it-tifel żgħir li ma jifhimx it-tbatija li l-ġenituri qed jgħadduh minnha għand it-tabib, anke l-appostli ma fehmux il-misteru tal-Qaddej sofferenti ta’ Alla li huwa Ġesù. Meta Ġesù iħabbrihom li kien sejjer Ġerusalemm biex ibati u jmut huma jitfixklu u jibdew jiddiskutu bejniethom fuq min kien ser jeħodlu postu... biex jibda jikkmanda hu. Ovvjament Ġesù fehem kemm kien għadhom ma fehmux l-aktar ħaġa mportanti fil-messaġġ tiegħu u bil-paċenzja kollha jkompli jispjegalhom il-messaġġ tiegħu: huma l-pagani li ħsiebhom biex jaħkmu u jiddominaw lill-oħrajn, ‘Fostkom ma għandhux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd.’ Nistaqsu lilna nfusna? Kemm fhimt u jien grat lejn il-Mulej li refa’ fuqu is-salib li jmiss lili, is-salib tiegħi, jiġifieri d-dnub tiegħi biex ma jeqridnix, il-mard u t-tbatija tiegħi biex minn saħta jagħmilhom grazzja u barka, u fuq kollox il-mewt tiegħi biex minn qerda dejjiema jagħmilha passaġġ għall-ħajja bla tmiem?
Mulej int li ma ġejtx biex tkun moqdi, imma biex taqdi u biex tagħti ħajtek b’fidwa għalina; għinna nifhmu li jekk ma nsirux nixbħu lilek, jekk ma nfittxux li naqdu u mhux niddominaw lil xulxin, allura ma nistgħux nkunu dawl tad-dinja u melħ tal-art, iżda nkunu biss melħ li qatgħa u li ma jibqa jiswa għal xejn ħlief biex jintrema u jintrifes min-nies. Ammen.