Darba xi ħadd qal li l-Ispirtu s-Santu huwa Alla l-minsi, għaliex ftit insemmuH u nitkellmu fuqu: minn naħa l-oħra l-Ispirtu s-Santu huwa r-ruħ tal-Knisja, mingħajru kulma nagħmlu ikun teatrin, mingħajru l-istess Knisja hija ġisem bla ruħ, ġisem mejjet. L-aqwa mod li bih insiru nafu dwaru huwa billi nifhmu kemm hija qawwija u tal-għaġeb il-ħidma tiegħu fina li Hu jwettaq permezz tas-7 doni tiegħu li huma:
1. Id-don tal-Għerf jipperfezzjona fina l-virtù tal-Fidi, u jgħinna nivvalorizzaw aktar dak li nemmnu. L-Għerf iwassalna biex ‘ninqdew tajjeb bil-ġid li jgħaddi hekk li norbtu qalbna ma dak li jibqa għal dejjem’. Dan l-għerf ta’ Alla jwassalna biex niġġudikaw l-affarijiet tad-dinja f’relazzjoni mad-destin uniku tagħna li huwa l-kontemplazzjoni ta’ Alla.
2. Id-don tal-Fehma jgħinna biex nifhmu, anke jekk dejjem b’mod limitat, l-veritajiet tal-Fidi Kattolika. Mela filwaqt li l-Għerf huwa x-xewqa li wieħed jikkontempla ’l Alla, il-fehma għandha aktar x’taqsam mal-veritajiet tal-Fidi tagħna, u din twassal għaċ-ċertezza tal-Fidi u għalhekk għal konvinzjoni profonda tagħha.
3. Id-don tal-Kunsill huwa l-għajnuna li jagħtina l-Ispirtu s-Santu biex niddeċiedu kif għandna nġibu ruħna. Dan huwa don li minħabba fih in-nisrani ma għandux għax jibża biex jiddefendi l-Fidi tiegħu, għax ‘meta jerħukom f'idejhom, tinkwetawx ruħkom kif se titkellmu jew x'se tgħidu, għax dak il-ħin stess jingħatalkom xi jkollkom tgħidu.’ (Mt 10, 19) B’dan id-don l-Ispirtu s-Santu jitkellem mal-qalb tal-bniedem u jdawwalha dwar dak li għandha jew ma għandiex tagħmel.
4. Id-don tal-Qawwa huwa l-għajnuna biex inwettqu fil-prattika dak li permezz tad-don tal-Kunsill inkunu fhimna li jeħtieġ li jsir. Dan huwa l-kuraġġ imsoqqi bil-grazzja t’Alla u jidher fl-aqwa tiegħu fil-Martri.
5. Id-don tax-Xjenza huwa don li permezz tiegħu aħna naraw iċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna kif jarahom Alla. Permezz ta’ dan id-don wieħed ikun jista’ jiddetermina s-sens li Alla jagħti lil ħajtu u jgħix skont dan is-sens. Għalhekk permezz ta’ dan id-don wieħed jagħraf b’mod spontanju dak li hu ġej minn Alla u dak li huwa tentazzjoni.
6. Id-don tal-Pjetà huwa d-don li permezz tiegħu wieħed jikber dejjem aktar fix-xewqa li jħobb u jservi lil Alla motivat mhux mill-obbligu iżda mill-imħabba lejH: Eżempju ta’ dan huwa meta wieħed imur il-quddiesa mhux aktar għax iħossu obbligat iżda għax verament iħobb u jrid iservi lil Alla.
7. Id-don tal-Biża ta’ Alla huwa d-don li permezz tiegħu wieħed jikber dejjem aktar f’xewqa ġenwina li ma jridx joffendi ’l Alla u dan imqanqal mill-imħabba lejh. Eżempju li jgħinna nifhmu huwa meta wieħed ikun tant jaf li l-ġenituri li jibża li jiksrilhom qalbhom.
Ejja Spirtu Qaddis u imla l-qlubna bl-imħabba u l-grazzja tiegħek