top of page

Il-11 Ħadd ta'Matul is-Sena B

Writer's picture: Għasri ParishGħasri Parish


Fil-ħajja mhux dejjem nintebħu kemm l-istess esperjenza jew diskors f’ċirkustanzi differenti jiftihem u jkollu effett differenti ħafna. Bħala eżempju ta’ dan ser insemmi l-ewwel qari tal-lum: Alla permezz tal-profeta Eżekjel qal hekk; ‘“Jien naqta’ mill-quċċata taċ-ċedru l-għoli, minn tarf il-friegħi l-għolja, rimja żgħira, u nxettilha fuq il-muntanja għolja u kbira’. X’aktarx mal-ewwel daqqa t’għajn dan jidher biss kliem sabiħ, iżda jekk wieħed ikun jaf li Eżekjel qiegħed ikellem lill-poplu ta’ Alla tturufnat fl-eżilju tal-Babilonja, dawn il-kliem jieħdu xgħira totalment differenti.


Il-poplu t’Alla huwa mxebbaħ ma’ ċedru għoli jew kburi, poplu li tbiegħed minn Alla u issa qed ibagħti l-konsegwenza ta’ għemilu fl-eżilju, iżda Alla mhux ser jabbandunah għax jieħu minnu fdal/rimja żgħira, u jeħodha lura lejn l-art li minnu kienu tturufnati: ‘...fuq il-muntanja l-għolja ta’ Iżrael inxettilha.’ Din ir-rimja ċkejkna ssir għall-popli kollha sinjal; ‘U hi toħroġ il-friegħi, u tagħmel il-frott, u ssir siġra sabiħa taċ-ċedru U taħtha jistkenn kull tajr tal-ġwienaħ, jistkennu għad-dell tal-friegħi tagħha.’ Alla ma jinqediex biċ-ċedru għoli/kburi iżda bir-rimja żgħira, dan il-fdal mill-poplu tiegħu li minnu jitwieled Ġesù; it-tajr li jistkenn għad-dell ta’ din ir-rimja jfisser il-popli kollha li f’Ġesù u l-Knisja tiegħu jsibu d-dell tal-grazzja t’Alla.


‘U jagħrfu s-siġar kollha tar-raba’ li jien il-Mulej, li siġra għolja nċekkinha, u siġra żgħira nkabbarha;...’ Ma hemmx xkiel akbar għall-bniedem mill-kburija; Alla ma jistax jaħdem permezz tal-kburi, Alla jinqeda biż-żgħir u l-umli. Is-Salm tal-lum huwa talba ta’ bniedem li jerfa’ ħarstu lejn Alla għax fiċ-ċentru ta’ ħajtu hemm biss Hu. Ma jitkabbarx b’dak li għandu jew dak li jagħmel għax jaf li fl-aħħar mill-aħħar kollox ġej minn Alla: ‘Tajjeb li nfaħħru l-Mulej, li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli, inxandru filgħodu t-tjieba tiegħek, u billejl il-fedeltà tiegħek.’


Il-Vanġelu tal-lum jurina dan bi kliem meħud mill-biedja: ‘Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif.’ Hekk kif il-bidwi jiżra iżda Alla huwa li jkabbar, hekk ukoll min jaħdem għas-Saltna t’Alla għandu jżomm f’moħħu li hu jiżra biss jista’, iżda Alla huwa li jkabbar u jwassal għall-frott. Il-ħidma tagħna hija bħaż-żgħerrija tal-mustarda, jiġifieri żgħira, iżda meta aħna naħdmu minn qalbna u nafdaw bl-umiltà il-ħidma tagħna f’idejH, Hu l-iżgħar żgħerrija kapaċi jibdilha f’siġra. Iżda biex iseħħ dan bħall-appostli, aħna rridu nkunu qrib tiegħu biex hu jonġorna bil-Kelma tiegħu kif għamel magħhom.


Nistaqsu lilna nfusna: Jien x’hemm fiċ-ċentru ta’ ħajti l-kburija tiegħi jew Alla? Kemm nersaq lejn Ġesù ta’ sikwit ħalli u nħallih jonġorni bil-Kelma tiegħu u nħallih jeħlisni mill-kburija? Kemm naċċetta li l-umiltà u l-imħabba jmorru dejjem id f’id?


Mulej Ġesù aħna llum bħall-appostli rridu nersqu lejk u nitolbuk tkellemna u tfissrilna l-Iskrittura, għaliex aħna nafu li huwa biss bil-Kelma tiegħek li nsiru nafu min hu Alla u min hu l-bniedem. Nitolbuk minn qalbna agħmilna bħal dik ir-rimja ż-żgħira, jiġifieri li nżommu f’moħħna li aħna żgħar iżda int tista’ tagħmel bina ħwejjeġ kbar. Ammen.

bottom of page