Ilkoll kemm aħna nafu x’qawwa għandha l-kelma: kif jgħidu li l-ilsien kapaċi jsikket tempesta jew iqabbad foresta. Aħseb u ara x’effett jista’ jkollha l-Kelma t’Alla fuqna: id-differenza hija li l-Kelma t’Alla, kieku nħalluha, dejjem tgħollina lejn is-sema: Alla ma jimponix ruħu fuqna, u irridu nkunu aħna li nistednuh bi kliemna u għemilna biex idawlilna ħajjitna bil-Kelma tiegħu. Dan il-Ħadd, il-qari fih messaġġ tassew speċjali.
L-ewwel qari tal-lum huwa mill-ktieb ta’ Ġob: ktieb sabiħ u qawwi ħafna fit-Testment il-qadim. L-awtur sagru, ispirat minn Alla, jiktbilna parabbola dwar Ġob. Dan ifisser li l-istorja ta’ Ġob fiha nnifisha m’hijiex vera, hija parabbola, iżda l-awtur jgħallimna tagħlim imporanti ħafna għal ħajjitna permezz tagħha. Ġob huwa ppreżentat lilna bħala raġel għani ħafna u jibża minn Alla. Darba x-xitan jersaq quddiem Alla, u Alla jgħidlu: "Il-qaddej tiegħi Ġob ħsibt fih? Ma hawnx ieħor bħalu fid-dinja, raġel perfett u tajjeb, jibża' minn Alla u mbiegħed mill-ħażen." Iżda x-xitan, ta’ missier il-ħażen li hu, jgħid lil Alla: "Tgħid għal xejn Ġob jibża' minn Alla? Forsi int ma bnejtx ħajt madwaru u madwar daru, u madwar kull ma għandu kif iddur? Berikt kull ma għamlu idejh, u ġidu kotor ma' l-art kollha kemm hi. Imma midd idek u olqot kull ma għandu, u tara jekk jisħtekx f'wiċċek." U l-Mulej wieġeb lix-Xitan: "Ara, kull ma għandu f'idejk..." Wara dan ix-xitan jibda jieħu kulma kellu Ġob, ġidu kollu, saħansitra tilef l-uliedu kollha, u fl-aħħar messitu marda kera tal-ġilda. Quddiem dan kollu Ġob jibqa’ fidil lejn Alla: "Għeri ħriġt minn ġuf ommi, għeri nerġa' mmur hemm. Il-Mulej tani, il-Mulej ħadli: ikun imbierek isem il-Mulej."
Wara dan kollu martu qaltlu: "Għadek iżżomm sħiħ fil-perfezzjoni tiegħek? Isħet 'l Alla u mut?" [Ġob:2:10] U hu wieġeb: "Qiegħda titkellem ta' waħda belha. Nilqgħu t-tajjeb mingħand Alla, u l-ħażin ma nilqgħuhx?" Imbagħad ġew tliet ħbieb tiegħu, u x’ħin raw l-hemm tiegħu infexxew f’bikja, iżda, skont il-mentalità tal-Lhud ta’ dak iż-żmien, dan kollu kien ifisser li Alla qiegħed jikkastigah ta’ xi dnub li għamel, u allura bdew jinsistu miegħu li hu kellu jaċċetta dnubu. Ġob baqa’ sod jinsisti li hu ma għamel ebda dnub. Ninnutaw f’dan kollu l-akbar żewġ tentazzjonijiet li bihom jittentana u jittormentana x-xitan meta nkunu għaddejjin minn xi sitwazzjoni ta’ tbatija, jiġifieri 1) Alla ma jħobbokx, kieku jħobbok ma kienx jippermetti dan kollu fuqek, u 2) Alla qed jikkastigak ta’ dnubietek. Kif Ġob ma ċediex għal dawn it-tentazzjonijiet, lanqas għandna nċedu aħna.
Ġob iżda jibda jkisser rasu biex jipprova jifhem l-għaliex ta’ dan kollu, dik il-misħuta mistoqsija li tant titturmentana fil-mumenti ta’ tbatija. Fl-aħħar jidhirlu Alla, u jibda jgħinu jifhem li fil-ħajja ikun hemm mumenti li ma nistgħux nippretendu li nifhmu: kif qatt tista’ tifhem lil Alla? Hawn jidħol l-ewwel qari tal-lum; “Min kien dak li għalaq il-baħar b’bibien, meta dan b’qawwa ħareġ mill-ġuf,...”. Dan kollu jfisser, li għad li aħna bnedmin intelliġenti, ipparagunati ma’ Alla, ħallieq tas-sema u l-art, aħna ma aħna xejn, ma nistgħux nippretendu li nifhmu kollox? Fl-aħħar ta’ dan il-ktieb nsibu li Ġob reġa akkwista aktar minn qabel. Ovvjament dan il-ktieb ma fihx l-għerf tal-evanġelju ta’ Ġesù, u nistgħu ngħidu li l-ġrajja ta’ Ġob titkompla f’dik ta’ Ġesù, għax huwa permezz ta’ Ġesù li Alla jirrivelalna l-misteru tat-tbatija jew tas-salib.
Fil-vanġelu tal-lum naraw infatti li waqt il-maltempata Ġesù jkun rieqed, kif ħafna drabi nħossuh aħna fil-maltempati tal-ħajja. Ninutaw iżda li l-appostli kellhom fiduċja kbira fih hekk li qajmuh x’ħin bdew jaħsbu li ser jgħerqu; sfortunatament ħafna drabi l-bniedem tal-lum tilef il-fiduċja f’Alla u allura quddiem il-maltempati tal-ħajja jikkuntenta li jirriskja li jgħereq milli jqajjem lill-Mulej. It-tieni punt huwa l-qawwa ta’ Ġesù quddiem it-tempesta hekk li l-appostli tbellħu; kemm ngħixu fil-paċi jekk nafdaw ruħna f’idejn il-Mulej u nżommu f’moħħna li, għad li kultant aħna bħal naħbtu ser nitilfu l-kontroll fuq ħajjitna, jekk nafdaw fih Hu qatt ma jitlef il-kontroll.
Nistaqsu lilna nfusna: Jien fil-mumenti tat-tbatija kif inġib ruħi? Kemm noqgħod attent mit-tentazzjonijiet tax-xitan li jipprova jnissel fija d-dubju dwar l-imħabba t’Alla? Kemm inkun
lest li fit-tbatija naċċetta li Alla għadu u jibqa’ jħobbni għad li ma nkunx nista’ nifhem dan b’moħħi?
Nitolbuk Mulej biex meta nħossuna mtaqqlin mis-salib fil-ħajja, nibqgħu konvinti li int qiegħed fid-dgħajsa u mhux ser tħallina weħidna: għenna ħalli qatt fil-ħajja ma nitilfu l-konvinzjoni profonda li inti tħobbna, anke meta nħossu t-toqol tas-salib, għax nibqgħu konvinti li int qiegħed iġġorru magħna u għalina. Ammen.