L-Istorja hija l-imgħallma tal-ħajja, kif ukoll jingħad li min ma jafx l-istorja huwa destinat li
jirrepeti l-iżbalji li saru fil-passat. Anke l-Bibbja fiha l-element storiku tagħha, u l-aktar fil-
kotba storiċi nsibu kif Alla jintervjeni fl-istorja tal-poplu ta’ Iżrael biex jedukah u jiffurmah
skont il-qalb tiegħu, u biex fuq kollox iħejjih biex jilqa’ lill-Mibgħut tiegħu, Ibnu l-għażiż.
Biex nifhmu silta mill-Bibbja huwa mportanti li jkollna f’moħħna l-isfond storiku tagħha: fl-
ewwel qari tal-lum Amasja, il-qassis ta’ Betel qiegħed jaffronta lil Għamos il-profeta;
ninsabu fi żmien li fih is-saltna ta’ Iżrael kienet diġa nqasmet fi tnejn, jiġifieri dik tat-
tramuntana li baqgħet tissejjaħ Iżrael u bil-kapitali tagħha Samarija, u dik tan-nofsinhar bl-
isem ta’ Ġuda u l-belt kapitali tagħha Ġerusalemm. Dawn iż-żewġ saltniet kellhom il-postijiet
tal-qima tagħhom; tal-ewwel f’Betel u dik ta’ Ġuda fit-tempju ta’ Ġerusalemm. Alla jibgħat
lil Għamos fuq missjoni diffiċli ħafna, jiġifieri li jitlaq mis-saltna tiegħu ta’ Ġuda u jmur
iwettaq il-missjoni tiegħu fis-saltna ta’ fuq. Hawn sab reżistenza kbira, kif jidher ċar mill-
kliem li qallu Amasja s-saċerdot: “Mur, bniedem veġġenti, itlaq lejn l-art ta’ Ġuda, u
ħobżok kulu hemm, u ħabbar hemm; u tkomplix iżjed tħabbar ġo Betel, għaliex Betel
santwarju tas-sultan, it-tempju tas-saltna”. Skont Amasja it-tempju ta’ Betel huwa tas-
sultan u allura servili għalih, u għalhekk is-saċerdot irid isikket lil Għamos mix-xandir tal-
Kelma ta’ Alla, għaliex din ma kienetx iddoqq għal widnejh u widnejn is-sultan.
Ix-xandir tal-Kelma huwa il-missjoni l-aktar importanti fil-Bibbja kollha: fi ħdan il-poplu
t’Alla din il-missjoni ma kienetx imwettqa mill-qassisin, iżda mill-profeti; il-qassisin kienu
jieħdu ħsieb dak li għandu x’jaqsam mat-tempju, bħas-sagrifiċċji u riti oħra. Għalhekk ir-
realtà tat-tempju, mifruda mill-Kelma t’Alla, ħafna drabi kienet tispiċċa waħda korrotta u
mbegħda minn dak li jrid Alla. Dan jidher fil-predikazzjoni tal-profeti, iżda jilħaq l-aqwa
tiegħu meta Ġesù darba minnhom jidħol fit-tempju u jkeċċi ’l barra lill-bejjigħa tal-annimali
u s-sarrafa tal-flus, għaliex huma kienu għamlu mit-tempju dar tan-negozju. Għamos il-
profeta jiddefendi ruħu mingħajr ġlied billi jgħid lil Amasja: ‘...l-Mulej qabadni minn wara
l-merħla, u l-Mulej qalli: Mur, ħabbar lill-poplu tiegħi, Iżrael”.’
San Pawl, fl-innu sabiħ li smajna fit-tieni qari tal-lum jgħid: ‘fih intom ukoll smajtu l-
Kelma tal-Verità, l-Evanġelju tas-salvazzjoni tagħkom, u emmintu fiha.’ Ħadd ma jista’
jiltaqgħa ma’ Ġesù u jimxi warajh bis-serjetà jekk ma jismax il-Kelma tiegħu u jfittex li
jgħixha. Is-smiegħ tal-Kelma tant huwa fil-qalba tal-ħajja tal-Knisja mwaqqfa minnu li fis-
silta mill-vanġelu tal-lum narawh qiegħed jibgħat l-appostli qablu biex ixandru l-Kelma; hekk
huma jħejjulu t-triq u fl-istess ħin jibdew jagħmlu l-esperjenza li kellha tkun fil-qalba tal-
missjoni tagħhom wara t-tlugħ tiegħu fis-sema. ‘...wissiehom biex ma jieħdu xejn
magħhom għat-triq...’, huma kellhom ippoġġu l-fiduċja kollha tagħhom f’Alla u mhux
f’dak li jippossjedu huma. Nistaqsu lilna nfusna: kemm huwa għal qalbi s-smiegħ tal-Kelma
t’Alla, kemm infittex li nkun nafha u nifhimha sew? Nemmen tabiħaqq li Alla jkellemni bil-
Kelma tiegħu? Fuq kollox nemmen li jekk nisma u nifhem il-Kelma t’Alla jien, Alla jkun
jista’ jinqeda bija biex din tasal għand oħrajn permezz tiegħi?
Nitolbuk Mulej agħtina l-ħeġġa biex nisimgħu u nifhmu l-Kelma tiegħek, u għenna ħalli
nemmnu tabilħaqq li fost dak kollu li nisimgħu xejn ma joqrob fl-importanza tiegħu lil
dak li trid tgħidilna int. Agħmel minna nitolbuk strumenti f’idejk biex hekk bina u
permezz tagħna tibqa’ ssemma leħnek fid-dinja tal-lum. Ammen.