top of page

Il-21 Ħadd ta'Matul is-Sena B




Matul ħajjitna nisimgħu ħafna diskors; il-biċċa l-kbira ta’ dak li nisimgħu, kif ngħidu, minn waħda jidħol u mill-oħra joħroġ. Huwa ftit id-diskors li nisimgħu li jħalli mpatt qawwi fuqna hekk li nibqgħu niftakruh. Niftakar li meta konna s-seminarju, il-Qaddej t’Alla dun Mikiel Attard kien jgħidilna: “fil-ħajja trid tieħu riskju: issa jew temmen dak li jgħid xi ħadd, forsi xi kittieb, kantant, xi ħadd famuż, xjentist eċċ; jew temmen dak li jgħidlek moħħok, u llum ħafna hekk jagħmlu, jew temmen dak li jgħid Ġesù, u din hija l-Fidi”. Kemm kellu raġun dun Mikiel, jekk fil-ħajja tippretendi li tifhem kollox tispiċċa titlef il-Fidi: minn naħa l-oħra l-Fidi tfisser tieħu riskju fuq il-Kelma ta’ Ġesù.

 

Fl-ewwel qari tal-lum naraw kif Ġożwè, wara li bil-qawwa t’Alla daħħal il-poplu fl-Art Imwegħda, huwa jiġbor il-poplu kollu u jippreżentalu għażla importanti: ‘“Jekk ma jogħġobkomx taqdu l-Mulej, għażlu llum lil min tridu taqdu;... Imma jien u dari naqdu l-Mulej”. Din hija l-akbar għażla li jrid jagħmel il-bniedem fil-ħajja, jiġifieri l-għażla lil min irid jaqdi: fil-ħajja kull bniedem irid ikollu xi alla, issa jew jagħżel lil xi ħadd ieħor, hu min hu bħala alla tiegħu, jew jagħmel lilu nnifsu alla, jew jagħmel l-aħjar għażla li jista’ jagħmel, jiġifieri li jagħżel lil Alla ta’ Ġesù Kristu bħala Alla tiegħu. Din l-għażla tagħmel differenza kbira fil-ħajja tagħna: l-allat foloz kollha kemm huma, illum jew għada, jirrenduna skjavi tagħhom u jeqirduna; Alla l-Veru, Alla l-ħaj huwa l-uniku Alla li jirrendina verament liberi, Alla li tant iħobbna li jagħti lilu nnifsu għalina.

 

Fil-Vanġelu tal-lum naqraw l-aħħar silta mill-Kapitlu 6 tal-Evanġelju skont San Ġwann: f’dawn l-aħħar ħamest iħdud qrajna l-kapitlu kollu. Ġesù, wara li spjeġa fid-dettal it-tagħlim diffiċli u ġdid tiegħu lill-poplu u lid-dixxipli tiegħu, issa jpoġġi quddiemhom l-għażla jew l-isfida: “Tridux titilqu intom ukoll?”. Ġesù tant kien konvint minn dak li kien għadu kemm għallem lil folla, li saħansitra kien lest li jitlef lill-Appostli tiegħu, iżda mhux jibdel it-tagħlim tiegħu. Anke llum, quddiem dan Alla tagħna li tant iħobbna hekk li jrid joffrilna lil Ibnu fl-Ewkaristija, ħafna għadhom jitilqu; oħrajn ftit jinteressahom, jew inkella jibqgħu qatt ma jagħmlu din id-deċiżjoni l-aktar fundamentali tal-ħajja, jiġifieri jekk iridux jaċċettaw dan ir-rigal ta’ Alla jew le. J’Alla llum u kuljum aħna minn qalbna ngħidulu ma’ Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla”.

 

San Pawl, fit-tieni qari tal-lum, ikompli jgħidilna li l-ħajja tan-nisrani, jew aħjar ta’ dawk li jitmantnew bil-Kelma, il-Ġisem u d-Demm tal-Mulej fil-quddiesa, trid bilfors tinġabar f’kelma waħda, jiġifieri MĦABBA. Mela kif Ġesù jagħti lilu nnifsu lilna fl-Ewkaristija, hekk aħna, hi x’inhi l-vokazzjoni tagħna, jekk rridu tabilħaqq ngħixu l-Ewkaristja verament rridu nagħtu lilna nfusna lil xulxin fl-imħabba. Hekk biss l-Ewkaristija tilħaq l-iskop tagħha, hekk biss ngħixu tabilħaqq dak li niċċelebraw kull meta nieħdu sehem fil-quddiesa. Nistaqsu lilna nfusna: Jien l-għażla bejn Alla l-Veru u l-allat foloz għamiltha jew għadni nippretendi li ngħix sieq ma’ Alla u sieq mad-dinja? Quddiem dak li tgħid id-dinja, dak li jgħidli moħħi u dak li jgħidli Ġesù lil min nagħżel li nemmen?  

 

Mulej illum mill-fond net ta’ qalbna nixtiequ ngħidulek grazzi ta’ dak li għamilt magħna meta bis-sagrament tal-Ewkaristija inti għamilta possibli għalina li nsiru ħaġa waħda mill-misteru tal-Ħajja, Mewt u Qawmien tiegħek: nixtiequ ngħidulek li l-akbar grazzja li tista’ tagħtina hija li nifhmu u ngħożżu minn qalbna dan ir-rigal u li ngħixuh sal-aħħar nifs ta’ ħajjitna. Ammen.

 

Commenti


bottom of page