Wieħed mill-aktar aspetti ta’ ħajjitna li ma tantx nifhmuh u li ninfixlu meta nikkunsidraw kif jolqot il-fidi tagħna, huwa bla dubju l-libertà tagħna. Il-libertà hija tant marbuta mal-identità tagħna, u tant nieħduha ‘for granted’ li ma tantx nikkunsidrawha u ma tantx nifhmuha. Alla ħalaqna liberi, jiġifieri li aħna, għax maħluqa intelliġenti, għandna r-responsabbiltà li nagħmlu deċiżjonijiet tajbin għall-ġid tagħna u tal-oħrajn. Il-bniedem ma tistax timmaġinah mingħajr libertà, għax mingħajr din il-kwalità ma jkunx bniedem. Il-problema tinħoloq meta l-bniedem jiddeċiedi li juża l-libertà tiegħu b’mod ħażin, jiġifieri li jagħżel li flok jagħmel il-ġid, jiddeċiedi li jagħmel il-ħażin kemm lilu nnifsu kif ukoll lill-oħrajn. Il-problema kbira hija: ‘Għaliex Alla ma jwaqqafx lil min jiddeċiedi li jagħmel il-ħsara lill-oħrajn, lil min jiddeċiedi li jweġġa' u jkisser lill-proxxmu tiegħu?’ Din hija domanda kbira li xi ftit jew wisq ilkoll nitfixklu quddiemha. Ir-rispett li Alla juri lejn il-libertà tal-bniedem u l-paċenzja li jieħu biex forsi l-bniedem jibdel ħajtu huma kultant ‘skandalużi’.
In-nies il-ħżiena qalu: “Nonsbulu lill-ġust għaliex hu ta’ xkiel għalina fi triqitna... . Ħa naraw hux veru kliemu, naraw fl-aħħar x’se jsir minnu. Jekk il-ġust hu iben Alla, jaqbeż għalih Alla, u jeħilsu minn id l-għedewwa tiegħu. Inġarrbuh bit-tagħjir u l-moħqrija,... Naqtgħuhielu għall-mewt b’mistħija...”. Alla ma jistax iwaqqaf lill-bniedem il-ħażin li jiddeċiedi li juża l-libertà tiegħu biex iweġġa’ lil ħaddieħor, mhux għax mhux kapaċi jagħmel dan, iżda jekk Alla kull darba li nużaw il-libertà tagħna ħażin jeħodhielna, naħseb li lkoll kemm aħna nitilfuha. U minn naħa l-oħra x’libertà tkun jekk Alla jagħtihielna meta nagħmlu t-tajjeb u jeħodhielna jekk nagħmlu l-ħażin?
Alla x’jagħmel quddiem il-bniedem li jiddeċiedi li juża l-libertà tiegħu biex iweġġa’ lil oħrajn? L-ewwelnett Alla ma jrid qatt u ma jieħux pjaċir li nużaw il-libertà tagħna għall-ħażen, u f’din id-dinja jew l-oħra, kull wieħed minna jrid ipatti għal għemilu jekk jiddeċiedi li iweġġa’ lil oħrajn. Dak li hu żgur hu li, filwaqt li ma jagħmilx sens li naħsbu li Alla jista’ jwaqqaf id il-ħażin meta dan jerfagħha kontra oħrajn, però Alla, fl-imħabba infinita u fl-għerf infinit tiegħu, kapaċi joħroġ it-tajjeb mill-ħażin li jagħmlu l-ħżiena lill-bniedem tajjeb. It-tbatija għat-tajjeb xorta tibqa’, iżda Alla joħroġ minnha ħafna grazzja, barka, u mħabba għalih innifsu u għal ħafna oħrajn permezz tiegħu. Dan kollu narawh meta nikkontemplaw is-salib ta’ Ġesù.
Fil-Vanġelu tal-lum, Ġesù jibda jispjega dan lid-dixxipli tiegħu: bħalma huma, aħna wkoll ninsabu ħafna drabi diffiċli biex nifhmu. ‘Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.’ L-akbar żball li għamlu kien li x’ħin ma fehmuħx, ma staqsewhx u ma tkellmux miegħu: aħna nagħmlu l-istess żball meta nitfixklu quddiem it-tbatija u flok nitkellmu miegħu, nitbegħdu jew ma nistaqsuħx. Ġesù kien jaf x’ġej għalih, u kif Alla l-Missier, l-akbar inġustizzja li qatt saret mill-bnedmin, jiġifieri li joqtlu lil Sid il-Ħajja, lil dak li huwa l-aktar innoċenti, Alla kien ser joħroġ mis-salib l-akbar grazzja li qatt ingħatat, jiġifieri s-salvazzjoni tal-bnedmin kollha. Dan hu l-misteru l-kbir tal-fidi tagħna: jekk quddiem it-tbatija noqogħdu ngħidu ‘għaliex jien?’, nispiċċaw mhux biss nitilfu l-fidi iżda nitkissru; jekk, min-naħa l-oħra, naċċettaw il-misteru tas-salib bil-fidi ta’ tifel żgħir, Alla jagħmel fina u permezz tagħna ħwejjeġ kbar. Nistaqsu lilna nfusna: meta xi ħadd iġiegħelni nbati, x’nagħmel jien? Inpattilu? Nixtieqlu d-deni? Jew nitlob għalih u nemmen li Alla kapaċi mill-ħażen li sarli joħroġ minnu ħafna ġid? Kemm nirrifletti u ntella’ ħarsti ta’ sikwit fuq is-salib ta’ Ġesù, li huwa l-Ktieb il-Kbir li jgħallimna l-misteri tal-Ħajja?
Mulej Ġesù, inti taf kemm huwa diffiċli għalina naċċettaw it-tbatija, speċjalment meta din tkun frott inġustizzja li jkun wettaq bniedem ieħor: għinna, Mulej, ħalli nifhmu li jekk inpattu nġustizzja bi nġustizzja, ma nkunux wisq aħjar minn min ġiegħelna nbatu; minn naħa l-oħra, jekk nagħżlu t-triq li turina int, inkunu nissieħbu miegħek fil-misteru tas-salvazzjoni li int toffri lill-bnedmin kollha. Ammen.