top of page

Il-31 Ħadd ta'Matul is-Sena B

Writer's picture: Fr. Edward VellaFr. Edward Vella



X’kont twieġeb jekk xi ħadd jistaqsik x’inhi l-aktar ħaġa importanti f’ħajtek? Naħseb li wara

ftit tad-diskussjoni lkoll naslu għall-qbil li l-aktar ħaġa importanti f’ħajjitna hija li nkunu

ferħanin. X’jiswielek li jkollok kollox fid-dinja jekk ma tkunx ferħan? X’jiswa li tkun sinjur

u tista’ letteralment tagħmel triq fil-baħar jekk qalbek tkun vojta? X’jiswa li tġawdi kemm

tiflaħ, tiddeverti bla rażan, tfittex il-pjaċiri kollha tad-dinja jekk wara ftit kollox jisfa fix-xejn

u kulma jmur aktar iġġarrab vojt f’qalbek? X’jiswa li tkun famus, jew li jkollok poter fuq

ħafna jekk x’ħin tispiċċa waħdek tħossok bla mħabba? Sa hawn naħseb li naqblu bla

diffikultà.


Però naħseb li marbuta ma’ dawn id-domandi hemm oħra, bil-wisq aktar importanti:

x’jagħmlek verament ferħan fil-ħajja, jew aħjar x’jagħtik il-paċi tal-qalb li tant nixxenqu

għaliha aħna l-bnedmin? Il-qari tal-lum ikellemna dwar dan. Mosè fl-ewwel qari mill-ktieb

tad-Dewteronomju jgħid lill-poplu, ‘Ibża’ mill-Mulej Alla tiegħek billi... tħares dejjem il-

liġijiet u l-kmandamenti kollha tiegħu...ħu ħsieb agħmilhom, biex ikollok il-ġid’. Il-

kmandamenti ta’ Alla huma l-pedament ta’ kull soċjetà ċiviliżżata. Il-bażi tal-biċċa l-kbira

tagħhom huma mibnija fuq il-prinċipju bażilari ‘agħmel lil ħaddieħor dak li trid li ħaddieħor

jagħmel lilek u tagħmilx lil ħaddieħor dak li ma tridx li ħaddieħor jagħmel lilek’. Il-

kmandamenti ta’ Alla huma bħar-regoli tat-traffiku, huma jgħinuna nużaw il-libertà tagħna

tajjeb u mhux nabbużaw minnha; jgħinuna naslu fid-destin tagħna mingħajr ma nagħmlu

ħsara lilna nfusna u lill-oħrajn. Is-soċjetà li twarrab il-kmandamenti ta’ Alla tkun qegħda

tkisser lilha nnifisha.


Fuq kollox il-kmandamenti t’Alla jinġabru f’kelma waħda: ĦOBB. Mhux ta’ b’xejn li Santu

Wistin jgħidilna: ‘Ħobb u agħmel li trid’. Il-vera libertà hija l-imħabba, u l-imħabba twassal

għall-vera libertà. Is-salm tal-lum jgħidilna, ‘Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi! Il-Mulej

blata tiegħi’. Kemm hu mportanti nistaqsu lilna nfusna b’sinceritá, ‘jien fuq xiex qed nibnija

ħajti, fuq Alla (Imħabba) il-blata jew fuq xi ħaġa oħra jew xi ħadd, jew forsi fuqi nnifsi?’

Jekk qed nibni ħajti fuq xi ħaġa oħra jew xi ħadd jew fuqi nnifsi, u mhux fuq Alla, dan ifisser

li ħajti qed nibnija fuq ir-ramel u allura llum jew għada ikolli nġarrab it-telfa ta’ kollox.

Fl-Evanġelju tal-lum, wieħed kittieb jagħmel mistoqsija importanti ħafna lil Ġesù: ‘Liema

wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?’. Fi kliem ieħor x’inhi l-aktar ħaġa

importanti fil-ħajja? U l-Mulej iwieġbu: ‘L-ewwel wieħed huwa dan: ...Int għandek tħobb

lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu u bil-qawwa

tiegħek kollha. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.’ Kemm hija din l-aktar

ħaġa mportanti f’ħajti? L-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu tiegħi huma l-ewwel u qabel kollox

għalija jew fl-ewwel post hemm xi ħaġa oħra?


Mulej għinni ħalli nifhem li jien ma nistax inħobbok jekk ma nħobbx il-proxxmu tiegħi,

u ma nistax inħobb verament il-proxxmu tiegħi jekk ma nħobbx lilek. Għinni ħalli

bħalek ma nimxix bl-uċuħ fl-imħabba tiegħi lejn l-oħrajn, għinni ħalli ma nħobbx lil

min iħobbni jew jogħġobni biss, iżda nara lilek f’kull persuna li tlaqqgħni magħha u

b’mod speċjali fil-foqra u dawk li qed ibatu. Ammen.

bottom of page