![](https://static.wixstatic.com/media/fc422f_b8eb2f912b6647d981701066c674e8c8~mv2.jpg/v1/fill/w_980,h_653,al_c,q_85,usm_0.66_1.00_0.01,enc_auto/fc422f_b8eb2f912b6647d981701066c674e8c8~mv2.jpg)
Żgur li smajna min jgħid li ma tistax tkun taf x’togħma fih kejk qabel ma dduqu, lanqas jekk
jgħidulek kemm jgħidulek li hu tajjeb jew x’togħma fih, trid dduqu biex tkun taf. L-istess
ngħidu li persuna trid tagħmilha magħha biex tkun taf min hi. Dan jgħodd iżjed u iżjed għal
Alla; tisma’ kemm tisma dwar Alla qabel ma tagħmel l-esperjenza tiegħU int ma tistax tifhem
min hu Alla u x’differenza enormi jista’ jagħmel f’ħajtek.
Il-qari tal-lum qiegħed joffrilna l-esperjenza li kellhom ta’ Alla diversi persuni. Fl-ewwel qari
mill-ktieb tal-profeta Isaija smajna kif dan il-profeta kellu esperjenza tal-kobor ta’ Alla fit-
tempju ta’ Ġerusalemm; quddiem din l-esperjenza l-profeta jħossu xejn u għalhekk jagħraf
id-dnub tiegħu. Alla jippurifika lill-profeta minn dnubu u hekk quddiem l-istedina ta’ Alla
‘Lil min sa nibgħat? Min sa jmurilna?’, il-profeta ma qagħadx lura iżda wieġeb
b’ġenerożità, ‘Hawn jien: ibgħat lili!’ F’dan kollu naraw it-tliet tarġiet li jiffurmaw l-
esperjenza personali ta’ Alla; l-ewwel, esperjenza tal-qdusija ta’ Alla; it-tieni, l-profeta
jagħraf x-xejn/dnub tiegħu u jiġi ppurifikat; u t-tielet, Alla jagħmel sejħa lill-profeta u hu
jwieġeb għaliha.
Fl-evanġelju tal-lum insibu esperjenza simili. Ġesù jxandar il-Kelma t’Alla lill-poplu u biex
jagħmel dan jiġi bżonn tal-għajnuna ta’ Pietru u sħabu li kien għadhom kemm ġew lura
diżappuntati wara lejl jistadu u ma qabdu xejn. X’ħin spiċċa jitkellem, jgħid lil Pietru jaqla l-
barra u jkala x-xbiek. Pietru, nimmaġinaw li kien mqanqal mill-Kelma li kien għadu kemm
wassal Ġesù u għalhekk jobdi; ‘Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn.
Imma la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek’. Hekk Pietru jagħmel l-esperjenza ta’ Ġesù,
Alla magħmul bniedem għalina, u tal-qawwa tiegħu anke fuq in-natura. Quddiem dan kollu
Pietru jistqarr; ‘Tbiegħed minni Mulej, għaliex jiena raġel midneb!’. U minnufih Ġesù
jagħtih missjoni speċjali, ‘Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies’.
Aħna wkoll jeħtiġilna nistaqsu lilna nfusna: jien għamiltha l-esperjenza ta’ Alla? Li wieħed
imur il-knisja mhux bil-fors ifisser li huwa għamel esperjenza personali u awtentika ta’ Alla.
Kif tkun taf jekk għamiltiex din l-esperjenza ta’ Alla jew le? It-tweġiba hija sempliċi; jekk int
konvint li Alla jħobbok, jekk għalik ir-relazzjoni tiegħek ma’ Alla tiġi l-ewwel u qabel kull
relazzjoni oħra, allura x’aktarx li int qiegħed tagħmilha din l-esperjenza. Minn naha l-oħra
jekk inti għalik il-fidi tfisser biss lista ta’ obbligi allura il-Mulej qiegħed isejjaħlek biex bħal
Pietru u Isaija tiltaqa’ miegħU.
Mulej Ġesù, bħal Pietru, aħna nixtiequ niltaqgħu miegħek, insiru nafuk u fuq kollox
nixtiequ nħobbuk għax nafu kemm tħobbna. Agħtina l-għajnuna biex ma naqtgħux
qalbna meta nsibu t-tfixkil fil-vjaġġ tal-fidi, iżda b’fiduċja sħiħa fl-imħabba tiegħek
inkomplu mexjin warajk kif għamlu l-appostli. Ammen.