top of page

Il-Magħmudija tal-Mulej


Mhux l-ewwel darba jew tnejn li smajna lil xi ħadd jgħid li ma jridx jgħammed lit-tfal tiegħu biex ikunu jistgħu jiddeċiedu huma x’reliġjon iridu jgħażlu meta jikbru. Int x’taħseb dwar dan? Il-Magħmudija għalfejn?


Illum qegħdin niċċelebraw il-Magħmudija tal-Mulej fix-xmara Ġordan. Nimmaġina li mal-ewwel tiġi f’moħħna l-mistoqsija: jekk Ġesù hu Alla għalfejn kellu bżonn jitgħammed? Biex insibu tweġiba għal din id-domanda rridu nitilqu mill-magħmudija ta’ Ġwanni l-Battista. Kif smajna fl-Evanġelju tal-lum Ġwanni l-Battista kien jgħammed bl-ilma; dan ifisser li l-magħmudija ta’ Ġwanni kienet azzjoni umana li turi ndiema, jew dispjaċir tad-dnub jew dnubiet mwettqa. Il-poplu kien jisma’ lil Ġwanni jippriedka, kien jagħraf il-ħażen tiegħu u jiddispjaċieh. Bħala ġest ta’ ndiema Ġwanni kien jgħammidhom fil-Ġordan. Allura l-magħmudija ta’ Ġwanni kien ġest purament uman li ma setgħax jagħti l-ġrazzja t’Alla; bħal ilma li jista’ biss inaddaf minn barra iżda ma jistax isaffi l-qalb.


Is-silta mill-Evanġelju ta’ San Luqa llum tgħidilna li; ‘...wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll...’. L-ilma tax-xmara Ġordan ma kellu l-ebda qawwa li jnaddaf id-dnub f’qalb il-bniedem, għalhekk ix-xmara Ġordan iżjed milli tnaddaf mid-dnub saret simbolu tad-dnub tal-poplu kollu. Allura għalfejn jitgħammed Ġesù?


Ġesù jitgħammed biex l-ewwelnet Hu iqaddes l-ilma u mhux l-ilma jqaddes lilu. Dan jagħmlu biex jien u int ninżlu fl-istess ilma mqaddes minnU, u hekk il-ħajja tagħna u tiegħU jsiru ħaġa waħda. Mela aħna nirċievu l-Magħmudija biex il-ħajja tagħna u dik ta’ Ġesù jsiru ħaġa waħda.


It-tieni raġuni għalfejn Ġesù jitgħammed hija għaliex kif għedna x-xmara Ġordan kienet bħal tirrappreżenta id-dnub tal-poplu kollu. Ġesù ma kellu l-ebda dnub x’jistqarr meta niżel jitgħammed fix-xmara Ġordan, iżda huwa jitgħabba bid-dnub tal-poplu biex hekk ikun jista’ jeqred il-qawwa tad-dnub fuq is-salib. Mela aħna meta nitgħammdu nkunu qegħdin niftħu qalbna għas-salvazzjoni li jagħtina Ġesù.


Allura għaliex aħna ngħammdu t-trabi, għaliex l-ġenituri ma għandhomx iħallu lil uliedhom jiddeċiedu jekk iridux jitgħammdu meta jkunu kbar? Il-ġenituri jagħmlu ħafna deċiżjonijiet għal uliedhom meta dawn ikun għadhom żgħar; x’mediċina jagħtuhom, xi skola jibgħatuhom,... Dan jagħmluh għax konvinti li dan huwa għall-ġid ta’ wliedhom. Huma biss dawk il-ġenituri li jiddubitaw mill-ġid kbir tal-Magħmudija li jaslu biex iħallu lil uliedhom jiddeċiedu meta jikbru jekk jitgħammdux jew le. Il-Magħmudija hija l-pedament ta’ ħajja ġdida fi Kristu, ħajja li ma tintemmx hawn fuq din l-art iżda li tasal għall-milja tagħha fis-sema. Ġenituri li verament iħobbu lil uliedhom ma għandhom qatt itellfuhom dan il-ġid tas-sema li bil-maqlub tal-ġid tad-dinja ma jintemm qatt u ħadd u xejn ma jista’ jifridna minnu.


Mulej Ġesù, illum qegħdin niftakru meta int tgħammidt għalina. Għenna biex niftakru li l-Magħmudija ma hijiex biss okkażjoni ta’ darba f’ħajjitna, iżda hija Grazzja li inti tagħtina kuljum u mpenn li aħna rridu ngħidu iva għalih u ngħixuh kuljum. Ammen

bottom of page