![](https://static.wixstatic.com/media/fc422f_2fa26b9d95ba4d2f9f8a5038b91bd428~mv2.jpg/v1/fill/w_980,h_467,al_c,q_85,usm_0.66_1.00_0.01,enc_auto/fc422f_2fa26b9d95ba4d2f9f8a5038b91bd428~mv2.jpg)
Omelija tal-Milied 2024
Snin ilu, ġewwa l-Awstralija deher artiklu fuq gażżetta li kien jirrakkonta storja sabiħa ta’ wieħed żagħżugħ: dan iż-żagħżugħ meta kien tifel kien joqgħod f’wieħed mill-irħula mwarrba ta’ New South Wales, fix-xfar tad-deżert enormi li hemm fil-qalba tal-Awstralija. Għall-iskola primarja, kuljum kien imur bil-mixi, għax din ma kienetx il-bogħod. Darba fost l-oħrajn, wara l-iskola, waqt li kien sejjer lura d-dar, jilmaħ ġebla ftit partikulari, u beda jagħtiha bis-sieq, qisu qed jilgħab il-ballun. Meta wasal id-dar, ġabarha u poġġiha fit-tieqa tal-kamra tas-sodda tiegħu. Kemm-il darba ommu meta kienet tkun qed tnaddaf il-kamra tiegħu kienet tgħidlu li ser tarmiha, iżda hu qatt ma ħalliha. U ż-żmien baqa għaddej. Mar l-iskola sekondarja u wara l-università f’Sydney. Hemmhekk għamel ħafna ħbieb ġodda, fosthom l-akbar ħabib tiegħu li saru qishom aħwa. Ħabibu nżerta li kien qed jistudja l-ġeoloġija, li hija l-istudju tal-ġebel u minerali. Darba kienu ġejjin xi ftit vaganzi u stieden lil ħabibu biex imur miegħu fir-raħal mwarrab fi truf id-deżert. Waqt li kien hemm, ħabibu jilmaħ il-ġebla f’ħoġor t-tieqa u jgħidlu “din minn fejn ġibtha din il-ġebla” u hu rrakkontalu l-istorja. Dak li kien jistudja l-ġeoloġija qallu, “Ħa neħodha u nittestjaha għax naħseb li għandi sorpiża għalik”. Meta ħadha nstab li din il-ġebla kienet djamant li nbiegħ il-miljuni. Ommu, meta ġiet intervistata minn tal-media, qalet ‘kellna teżor fit-tieqa u mhux talli ma għarafnieħx talli kemm-il darba konna ser narmuh mit-tieqa l-barra’.
Kos hux, x’ħin tieqaf tirrifletti ftit, ħajjitna mhux qisa dak id-djamant? Alla jagħtina r-rigal tal-ħajja jew aħjar tal-eżistenza tagħna, jagħmilna xbieha tiegħu. Dan huwa l-akbar rigal li setgħa jagħtina, għax mhux talli ħalaqna iżda għamilna nixbħu lilu. Iżda jekk ma nħallux lil dak il-ħabib speċjali jidħol f’ħajjitna, din tkun qisha dak id-djamant f’ħoġor it-tieqa li għadna ma skoprejniex il-valur tiegħu u li allura faċli narmuh mit-tieqa ’l barra. Infatti sfortunatament fi żmienna ħafna hekk jagħmlu. Dak il-ħabib huwa Ġesù u Ġesù biss; huwa biss jista’ jgħinna niskopru s-sbuħija tal-ħajja, huwa biss jista’ jgħinna nagħrfu kemm iħobbna Alla, huwa biss jagħti ħajtu biex aħna nkunu nistgħu ngħixu.
Dan il-Lejl/Jum Qaddis qegħdin mhux biss niftakru dak li gara elfejn sena ilu; infatti l-ġrajja tal-lum hija wisq importanti biex tkun marbuta fil-passat tal-istorja. Illum qed niċċelebraw ġrajja li qed tiġri llum, issa. Ġesù qed jitwieled għalina issa, Ġesù huwa preżenti għalina issa. Din il-maxtura fqira hija l-qalb tal-umanità kollha, u l-umanità jekk titbiegħed minnha titlef l-umanità tagħha. Kemm jgħallimna affarijiet sbieħ Ġesù minn dan l-għar, minn din il-Maxtura!
Iżda għeżież ħbieb, mhux dawk biss li ma jersqu qatt lejn din il-maxtura li faċli jintilfu fit-triq. Aħna wkoll li qegħdin hawnhekk illejla niċċelebraw il-ġrajja tal-ġrajjiet, aħna wkoll bħal biċċa faħam taqbad li tbegħda minn nar, żgur li tiksaħ u tintefa. Allura kif nistgħu nżommu n-nar tal-maxtura jixgħel fil-qalb tagħna? Ġesù jitwieled għalina biex jagħtina l-akbar rigal li qatt ingħata, jiġifieri lilu nnifsu. Dan huwa d-don tal-Fidi, jiġifieri li aħna bnedmin dgħajjfa u midinba, aħna mistednin biex permezz ta’ Ġesù, nidħlu f’relazzjoni ta’ wlied ma’ Alla Missier li tant iħobbna. Dan jingħatalna bħala rigal u mhux għal xi mertu tagħna. Iżda l-fidi hija bħal musbieħ jixgħel biż-żejd, li biex jibqa’ jixgħel trid tkompli żżidlu ż-żejd, u x’inhu dan iż-żejd?
L-ewwel net il-quddiesa: il-quddiesa hija l-aqwa mod li bih niltaqgħu ma’ Alla. Ġesù stess, fl-aħħar ċena jgħidilna, “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”. Allura ma jafx x’inhu jgħid min jgħid, “U mela hemm bżonn tmur il-quddies biex titlob”. Iva biex tiltaqgħa ma’ Alla hemm bżonn tmur il-quddiesa, dan qalulna Huwa stess. Barra dan ejjew inkunu onesti magħna nfusna, fil-ħajja ta’ kuljum tagħna, mgħobbija b’elf aljenazzjoni, jekk ma tkunx il-quddiesa li twaqqafna ftit mill-ġiri sfrenat tal-ħajja, x’ser iwaqqafna. Kemm hu faċli għall-bniedem tal-lum li jintilef fl-aljenazzjoni tad-dinja, u jinsa’ li l-akbar teżor tahulu Alla u dan jinsab ġo fih stess. Trid tkun il-quddiesa u s-smiegħ tal-Kelma t’Alla biex aħna nieqfu u nirriflettu fuq dak li huwa l-aktar importanti fil-ħajja.
It-tieni huwa l-qrar: il-qrar ma jlaqqagħniex biss ma’ Alla, iżda wkoll magħna nfusna. Il-qrar qisu mera: mera normali turik kif tidher minn barra, u l-qrar ilaqqgħek miegħek innifsek u jurik x’hemm ġo fik, min tassew int minn ġewwa. Il-qrar huwa vjaġġ, l-aktar vjaġġ diffiċli u importanti tal-ħajja, jiġifieri vjaġġ ġo qalbna, li ħafna drabi nibżgħu minnu, għaliex ma rridux naffrontaw dak li hemm ġo fina; iżda meta ma nagħmluħx dan il-vjaġġ forsi għax ibezzagħna, inkunu aktar ikkundannati li l-ħażen li jkun hemm ġo fina aktar jikber u jiddominana. Fil-qrar dan il-vjaġġ nagħmluh mal-akbar ħabib li hu Ġesù, li mhux talli ma jikkundannaniex, talli jaħfrilna u jeħlisna mit-toqol tal-ħażen.
It-tielet it-talb; Tista’ timmaġina żewġ maħbubin, li verament iħobbu lil xulxin, iżda li qatt ma jkollhom ħin jitkellmu? Hekk it-talb: trid tkun taf kemm tħobbu ’l Alla? Ara kemm issib ħin għalih. Barra minn dan it-talb mhux xi rigal li aħna nagħtu lil Alla, iżda huwa rigal li nħallu lil Alla jagħtih lilna; wara kollox aħna bżonnu u mhux Hu bżonna. Fit-talb inħallu lil Alla jibdilna bil-mod il-mod u jagħmilna dejjem aktar nixbħu lilu. It-talb huwa esperjenza tal-imħabba personali ta’ Alla. Sakemm inkun smajna ħafna fuq Alla, iżda ma għamilniex esperjenza awtentika ta’ talb, Alla jibqa’ xi ħadd li smajna dwaru, iżda li għadna ma ltqajniex miegħu b’mod personali. Għadna ma nafuħx: hekk il-fidi tagħna tibqa’ waħda medjokri.
U r-raba’ il-Karità: din hija l-aktar waħda importanti mill-erba’ li huma, infatti l-Mulej fuq dan għad jiġġudikana, iżda importanti li ma ninsewx li dawn iridu jkunu l-erba’ flimkien, ma tistax tħalli waħda barra, bħal mejda b’erba’ saqajn. Il-Karità ma tfissirx biss tagħti l-flus lil min ikun fil-bżonn, iżda fuq kollox tfisser kif tittratta lil dawk ta’ madwarek, ibda mill-familja, issellem lil dawk li tiltaqgħa magħhom, tkellem lil min tista’, tinteressa ruħek fl-oħrajn. Il-Karità tfisser tieħu paċenzja waqt is-sewqan, u fl-istess ħin tobdi r-regoli tat-traffiku. Il-Karità tfisser ma tħammiġx u tieħu ħsieb in-natura għax Alla ma tahiex lilek biss, iżda lill-bnedmin kollha u kollha kemm aħna msejħin biex nieħdu ħsiebha.
Ġieli gergirt kemm inbidlet il-ħajja, kemm marret għall-agħar? Mela ibda int, kun int il-bidla, ibda mill-lum, minn hawn ħdejn il-maxtura ta’ Ġesù, kif jgħidlna San Ġwann tas-Salib, “Fejn ma hemmx imħabba, poġġi l-imħabba u ssib l-imħabba”.
TALBA:
F’isimkom nixtieq illum nispiċċa b’talba lill-Bambin Ġesù:
Quddiem il-Maxtura tiegħek Mulej Ġesù aħna ninxteħtu għarkupptejna.
Ma ħejjejniex biss il-Maxtura għalik, iżda fuq kollox ħejjejnielek lil qalbna biex Mulej int titwieled ġewwa fiha – kemm għandna bżonnok Mulej, kemm hija vojta u bla sens ħajjitna mingħajrek, u għalhekk llum nitolbuk twieled fil-qalb tagħna Mulej: twieled fil-qalb tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna li tant jeħtiġuk, kun int il-ħabib il-Kbir tagħhom ħalli tmexxihom fil-mewġ tal-ħajja .
Twieled Mulej fil-familji tagħna u ġib miegħek il-vera mħabba, l-għaqda, il-maħfra.
Twieled Mulej fil-qalb tal-morda u anzjani tagħna biex minkejja t-toqol tal-mard u ż-żmien iħossu l-ferħ tal-paċi li taf tagħti int biss.
Twieled Mulej fil-qalb ta’ dawk li jħossuhom weħidhom jew b’qalb u moħħ imtaqqala biex jagħmlu l-kuraġġ u jsibu min tassew iħobbhom.
Twieled Mulej f’qalbna s-saċerdoti tiegħek ħalli mimlija bl-entużjażmu tal-fidi nkunu strumenti f’idejk biex int tasal għand ħafna u timlihom bl-imħabba tiegħek.
Fuq kollox Mulej nitolbuk twieled fil-parroċċa għażiża tagħna, iġborna madwar din il-mejda li fiha int tagħtina lilek innifsek fil-Kelma u l-ġisem u d-demm qaddis tiegħek. Agħmilna komunità ta’ fidi vera li tidher mhux biss għax niġu għall-quddiesa iżda fuq kollox tidher mill-imħabba u r-rispett lejn xuxlin.
Twieled Mulej nitolbuk f’pajjiżna u fid-dinja kollha għax mingħajrek id-dalma biss tista’ taħkimna u tirbaħna. Bik biss Mulej aħna nagħrfu s-sbuħija tal-Imħabba vera, tal-paċi li int biss tista’ tagħtihielna, u tal-għaqda tal-aħwa għax aħna lkoll ulied il-Missier wieħed tagħna tas-sema.
Ammen