Żgur li ħafna minna fadlilna l-memorji sbieħ ta’ meta fostna kellna l-Papa Franġisku, u nimmaġina li kull wieħed u waħda minna fil-memorji tagħna għandna l-esperjenzi ta’ meta ltqajna ma’ xi persuna famuża u ‘importanti’ fil-passat tagħna. Quddiem persuni bħal dawn, lkoll kemm aħna nħossuna differenti u żgur li wrejna rispett kbir lejn dawk li f’qalbna għandhom post speċjali.
Illum qegħdin niċċelebraw festa għażiża ħafna għalina, jiġifieri dik ta’ Ġesù Ewkaristija. Naħseb li kull wieħed minna għandu bżonn jagħmel mistoqsija mportanti ħafna lilu nnifsu: jien nemmen tabilħaqq li fil-ħobż u l-inbid ikkonsagrati hemm il-preżenza vera ta’ Ġesù, bil-ġisem, bid-demm, bir-ruħ, bħala Alla u bħala bniedem? L-imġieba tiegħi kif nidħol fil-knisja u kif inġib ruħi fil-knisja x’turi? Kemm nuri rispett lejn mhux bniedem ‘speċjali’ imma lejn Alla x’ħin ngħaddi minn quddiem it-tabernaklu u x’ħin nirċevih?
L-Ewkaristija hija l-aktar sagrament importanti, iżda hija wkoll stil ta’ ħajja. Fl-Ewkaristija niltaqgħu verament u nsiru ħaġa waħda ma’ Ġesù, l-akbar ħabib tagħna li hu Alla, iżda wkoll l-Ewkaristija tfisser stil ta’ ħajja mimli mħabba, fejn kif Ġesù jingħata għalina fuq is-salib u permezz ta’ dan is-sagrament, aħna ningħataw lill-oħrajn. L-Ewkaristija hija fuq kollox sagrament ta’ tama, it-tama tal-ħajja ta’ dejjem. Hija s-sagrament li jagħtina u jesprimi fl-istess ħin il-fidi/fiduċja tagħna li għax Ġesù bil-qawmien tiegħu rebaħ fuq il-mewt, allura t-tajjeb, l-imħabba, il-grazzja u il-ħajja huma ġa, sa minn issa, rebbiħin fuq il-ħażen tad-dinja, u allura aħna wkoll jekk ningħaqdu ma’ Ġesù permezz ta’ dan is-sagrament, aħna wkoll qed nissieħbu f’din ir-rebħa tiegħu għal dejjem. Jekk verament nemmnu dan, l-Ewkaristija għandha tkun motiv ta’ veru ferħ fil-ħajja tagħna.
Ġesù llum ma’ San Ġorġ Preca nixtiequ ngħidulek, ‘Grazzi Sinjur Alla u aħfirli Sinjur Alla’. Grazzi ta’ dan is-Sagrament tal-għaġeb u aħfrilna talli ma napprezzawx biżżejjed dan ir-riġal li qed toffrilna; agħtina l-grazzja li nduqu l-benna tiegħek kif jgħidilna s-Salm, ‘Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej’.