Fi żmien ir-rumani, meta xi ġeneral kien jirritorna mir-rebħ ta’ xi battalja kien jidħol trijonfalment f’Ruma, jibqa’ sejjer quddiem l-imperatur u, wara li jbaxxi rasu quddiemu, kien jgħidlu ‘Consummatum Est’, ‘kollox hu mitmum’, li tfisser li l-missjoni li kien afdat biha hija kollha mwettqa. Ġesù, fuq is-salib, ilissen dawn l-istess kelmiet, u llum nistgħu nimmaġinawh jerġa lura f’dar il-Missier u mill-ġdid itenni dawn il-kelmiet.
Fl-ewwel qari tal-lum smajna: ‘Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj; f’erbgħin jum rawh kemm-il darba...’ Dan ipoġġi lill-appostli f’pożizzjoni unika ta’ xhud diretti tal-qawmien tal-Mulej, iżda filwaqt li issa l-missjoni ta’ Ġesù kienet kompluta, dik tal-appostli u tal-Knisja kienet għadha ser tibda: ‘“Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva;...’ Huma issa kellhom il-missjoni li dak li rċevew iwassluh għand il-bnedmin kollha. Dan il-kmand għadu ma spiċċax, għaliex il-missjoni tagħna għadha sejra u tibqa sejra sal-aħħar taż-żmien, kemm tagħna personali u kemm tal-Knisja.
Bħala l-aqwa għajnuna Ġesù jagħtihom l-Ispirtu s-Santu: ‘...fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu”.’ U l-Ispirtu s-Santu kellu jimlihom bil-kuraġġ biex iwettqu din il-missjoni diffiċli li kien ser jafdalhom f’idejhom: ‘meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi... sa truf l-art”.’ Kif kienu ser iwasslu lil Ġesù fid-dinja? ‘“Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva;...’ Ġesù jordnalhom biex ixandru l-Evanġelju u jgħammdu. Is-smigħ tal-Kelma jwassal għall-Fidi, u l-Fidi twassal għas-sagrament tal-Magħmudija li jsaħħaħ fil-Fidi u jiftaħ il-bieb għal ħajja ta’ Fidi u s-sagramenti l-oħra.
Ninnutaw il-kelmiet ‘min jemmen u jitgħammed isalva’. Il-Magħmudija ma hijiex xi rit maġiku, u titlob magħha Fidi u mpenn ta’ ħajja. Kemm hu importanti li t-trabi li jitgħammdu jkunu mrawma fil-Fidi sa minn età żgħira. Is-sagramenti jagħtuna l-grazzja t’Alla li, jekk nikkoperaw magħha, iġġib bidla f’ħajjitna.
San Pawl fit-tieni qari tal-lum jgħidilna: ‘biex timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin; billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu ’l xulxin.’ Is-sejħa li biha konna msejħa hija l-Magħmudija li permezz tagħha ħajjitna saret ħaġa waħda ma’ dik ta’ Ġesù, u għalhekk jeħtieġ li ngħixu dak li aħna. Dan nagħmluħ l-ewwel u qabel kollox billi nħobbu lil xulxin bi mħabba ġenwina, jiġifieri billi nkunu umli għax wieħed ma jistax iħobb jekk ma jkunx umli; u li jkollna l-ħlewwa u sabar ma xulxin. ‘Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem;...’ San Pawl jagħmlilna appell biex inżommu l-għaqda u r-rispett bejnietna. Kemm hu attwali dan l-appell; forsi qatt daqs fi żmienna l-ispirtu tad-dlamijiet ma hu jaħdem biex joħloq firda u ġlied fil-Knisja. U jkompli jgħidilna: ‘huwa dak li ta lil xi wħud li jkunu appostli,... Hekk jitrawmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu,’ Aħna lkoll għandna missjoni differenti, sejħa minn Alla li taqbel mal-kapaċitajiet tagħna, iżda fuq kollox aħna lkoll għandna l-istess sejħa li nkunu qaddisin, li nsiru dejjem aktar nixbħu lil Ġesù, u li, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu fina, inkomplu nwassalu s-salvazzjoni tiegħU lil kull bniedem ta’ kull post u żmien.
L-ewwel qari tal-lum jispiċċa b’dettal żgħir li tajjeb ma ninjurawħx: ‘Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer”.’ Il-Mulej għad jerġa jiġi bħala l-Imħallef tad-dinja, lilu rridu nagħtu kont ta’ ħajjitna. Nistaqsu lilna nfusna: Jien kemm nista’ ngħid li lil Ġesù nafu u ltqajt miegħu b’mod personali b’tali mod li jien wkoll nista’ nissejjaħ xhud tiegħU? Kemm nħoss li hija l-missjoni tiegħi li nwassal lil Ġesù lill-oħrajn? Kemm naħdem għall-għaqda u l-imħabba kull fejn inkun, iżda b’mod speċjali fil-Knisja, għax nemmen li dan il-kmand Ġesù tah lili wkoll?
Talba: Mulej Ġesù inti rritornajt fi ħdan il-Missier u hekk inti wrejtna fejn għad irridu nkunu aħna: nitolbuk għenna ħalli qatt ma ninsew is-sejħa li inti għamilt lill-appostli u lilna, jiġifieri li tridna nkomplu nwasslu Lilek fid-dinja tal-lum, u dan nagħmluh qabel kollox billi nkunu qaddisin. Ammen.