Ix-xjentisti jgħidulna li l-ħajja fuq l-art ma kienetx tkun possibli mingħajr l-ossiġnu, id-dawl, is-sħana tax-xemx u l-ilma. Huwa interessanti ħafna li kważi kull manifestazzjoni tal-Ispirtu s-Santi sseħħ pemezz ta’ xi wieħed minn dawn l-elementi. Illum naraw li l-Ispirtu jimmanifesta ruħu permess ta’ riħ qawwi u permezz ta’ nar/dawl. Kif il-ġisem tal-bniedem imut mingħajr dawn l-elementi hekk ukoll il-ħajja tar-ruħ tagħna, nagħmlu x’nagħmlu aħna, mingħajr l-Ispirtu s-Santu hija mejta. In-nisrani u l-Knisja mingħajr l-Ispirtu s-Santu huma ġisem mejjet.
San Pawl fit-tieni qari jagħtina messaġġ qawwi ħafna, jgħidilna li min ipoġġi l-fiduċja tiegħu fl-għemejjel tal-ġisem jaħsad biss il-mewt: fil-waqt li min ipoġġi l-fiduċja tiegħu fl-Ispirtu jaħsad il-ħajja ta’ dejjem. Jien/int fejn qiegħed inpoġġi l-fiduċja tiegħi fil-ġisem jew fl-Ispirtu ta’ Alla? X’inhi x-xewqa l-aktar profonda ta’ ħajti li nagħmel li rrid jien jew ir-rieda ta’ Alla murija lili permezz tal-Ispirtu li jgħammar fija? Xi wħud ma jimpurtahomx mill-Ispirtu ta’ Alla u xi jrid, oħrajn jippruvaw jsibu kompromess bejn dak li jridu huma u l-Ispirtu ta’ Alla, iżda l-qaddisin kienu dejjem iva lill-Ispirtu s-Santu u għalhekk huwa sawwab fuqhom grazzja fuq grazzja.
Aktar ma wieħed jgħid ‘iva’ bil-verità lill-Ispirtu ta’ Alla, aktar Huwa jkompli jsawwab fuqu grazzji. Għalhekk l-qaddisin jgħaġġbuna, mhux għax twieldu speċjali jew kellhom xi talent uniku, iżda għaliex huma qalu dejjem ‘iva’ lill-Ispirtu, u allura l-Ispirtu kompla jsawwab fuqhom il-grazzji tiegħu. L-Appostli ma kienux xi nies ta’ ħiliet speċjali, anzi nafu li żbaljaw kemm-il darba, iżda bis-sinċerità kollha ħallew lil Ġesù jsawwarhom bil-Kelma tiegħu biex meta rċivew l-Ispirtu s-Santu nbidlu mill-lejl għan-nar.
X’għandna nagħmlu aħna? Nsiru bnedmin ta’ talb għax fit-talb l-Ispirtu jibdilna bil-mod il-mod u jurina x’inhu l-pjan tiegħu għalina. It-tieni, nagħtu spazju speċjali lis-smigħ tal-Kelma t’Alla f’ħajjitna għaliex il-Kelma hija l-iskola tal-Ispirtu. U t-tielet ma naqtgħu qatt qalbna għaliex l-Ispirtu s-Santu jsawwab fuqna d-doni tiegħu biex iqawwuna fit-triq.
Spirtu Qaddis ta’ Alla ejja fina, agħmilna nixbħu lil Ġesù biex inkunu l-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja. Sawwab fuqna bil-kotra d-doni tiegħek u imla d-dinja kollha bis-sbuħija tal-preżenza tiegħek li tidher fil-qaddisin ta’ żmienna.