top of page

Il-Ħadd tal-Familja Mqaddsa - Sena Ċ

Writer's picture: Fr. Edward VellaFr. Edward Vella

Huwa nteressanti ħafna li meta Alla ħalaq il-bniedem, ħaseb għall-bżonnijiet kollha tiegħu: ‘U l-Mulej Alla qal: “M'hux sewwa li l-bniedem jibqa' waħdu...’ (Ġen 2,18) Għall-bniedem mhux biżżejjed li jkollu dak kollu materjali li jeħtieġ, iżda l-ewwel u qabel kollox għandu bżonn l-imħabba. Bħala l-quċċata tal-ħolqien kollu Alla joħloq il-koppja, jew aħjar il-familja. Huwa jaf li aħna l-bnedmin ġejjin minnU; fina, nafu jew ma nafux, naċċettawha jew le, hemm it-timbru ta’ Alla li ħalaqna; Alla hu Mħabba, u għalhekk l-imħabba hija l-aktar ħaġa importanti għalina. L-aktar bżonn importanti għall-bniedem huwa li jesperjenza l-imħabba inkondizzjonata tal-ġenituri u l-għeżież tagħna, iżda jkunu boloħ dawk il-ġenituri li ma jwasslux lil uliedhom biex iduqu l-imħabba nfinita ta’ Alla li tiżboq bil-wisq anke l-imħabba tagħhom lejn uliedhom. Kull imħabba umana, kbira kemm hi kbira, ma hija xejn ħdejn l-imħabba infinita ta’ Alla għalina. Mhux ta’ b’xejn Santa Tereża ta’ Kalkutta kienet tgħid li ‘fost il-faqar kollu li esperjenzat f’ħajjitha, l-agħar tip ta’ faqar huwa dak spiritwali’: il-bniedem li ma jduqx l-imħabba t’Alla huwa l-akbar fqir, anke jekk huwa l-akbar sinjur materjalment.


Illum qed niċċelebraw il-festa tas-Sagra Familja ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi. Kemm għandna għax irroddu ħajr lil Alla tal-familji tagħna; żġur li Alla, l-aqwa mod li bih irid jurina li jħobbna huwa permezz tal-familja, iżda bħal kull ħaġa oħra li teżisti f’din id-dinja lanqas il-familja ma hi perfetta. Il-mod l-aktar komuni li bih Alla jurina li jħobbna huwa permezz ta’ xulxin u kull wieħed u waħda minna għandu l-libertà li jgħid iva jew le quddiem din is-sejħa ta’ Alla: dan jgħodd ukoll fil-familji tagħna. L-ispirtu tad-dlamijiet jaf li meta aħna nħossuna maħbuba fil-familji tagħna ikun ħafna aktar faċli għalina li nħossuna maħbuba minn Alla, u għalhekk qiegħed, u kien minn dejjem, jagħmel battalja biex ikisser lill-familji tagħna. Il-problema kibret fi żmienna għaliex ħafna familji sfortunatament tilfu l-fidi u għalhekk la jpoġġu ’l Alla fiċ-ċentru tal-familji tagħhom u wisq inqas joqgħdu attenti mill-insidji tal-ispirtu tad-dlamijiet biex ma jħalluħx jagħmel ħerba fil-familji tagħhom.


Fil-qari tal-lum il-Mulej jisma’ t-talb magħġun bid-dmugħ ta’ Anna: l-ewwel tagħlima tal-lum hija li, ‘il-famlija li titlob flimkien tibqa’ flimkien’. Ejjew inkunu onesti magħna nfusna: insibu ħin għal ħafna affarijiet, kemm insibu ħin għal Alla u t-talb? San Ġwann fit-tieni qari tal-lum jgħidilna, ‘Għeżież, araw b’liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu wlied Alla, u hekk aħna tassew!’ Ma nistgħux nagħmlu esperjenza personali ta’ kemm Alla jħobbna jekk ma nieħdux bis-serjetà it-talb: hija din l-esperjenza personali tal-imħabba t’Alla li twassalna li nħobbu lil xulxin mhux kif tħobb id-dinja, iżda kif iħobbna HU; ‘Dan hu l-kmandament tiegħu: li nemmnu fl-isem ta’ Ibnu Ġesù Kristu, u nħobbu ’l xulxin...’ Is-salm tal-lum jgħidilna, ‘Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, Mulej tal-eżerċti! Tixxennaq u tinfena ruħi għat-tempju tal-Mulej’. Kemm hija tassew għażiża għalina d-dar tal-Mulej? Kemm nagħtu importanza lill-quddiesa tal-Ħadd? Kemm ngħożżu jum il-Mulej bħala jum ddedikat għal Alla, il-familja u l-mistrieħ tagħna?


Fil-Vanġelu tal-lum il-familja ta’ Nażaret tgħaddi minn problema kbira, jiġifieri li Ġesù jintilef u jdumu ma jafux fejn hu tliet ti jiem. Tgħaġġbek din il-koppja mimlija b’dawl mis-sema kif iġġib ruħha. L-ewwel net meta jindunaw bil-problema; naħseb kieku konna aħna l-ewwel ġlieda kienet tkun min għandu t-tort jew f’min ser inwaħħlu, huma iżda, ‘reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh’: dan ifisser li għalihom ma kienx importanti min għandu t-tort, iżda li jsibu soluzzjoni għall-problema. It-tieni, meta sabuh ommu tindirizzaħ ‘Ibni’, biex b’hekk mal-ewwel toħloq rapport ta’ mħabba, u mhux xi titlu ieħor li jservi biss biex iweġġgħa. It-tielet, kliem ommu ma kienx kliem ta’ min jipponta subajh u jakkuża, iżda kliem li qed jesprimi x’ħassu l-ommu u l-missier. Kemm hu mportanti li kull familja żżomm quddiem għajnejja dawn it-tagħlimiet. Nistaqsu lilna nfusna: kemm jien konxju li l-familja tiegħi, bid-difetti kollha tagħha, hija l-akbar teżor li Alla tani? Kemm nieħu ħsieb li nżomm ’l Alla fiċ-ċentru tal-familja? Meta fil-familja naffrontaw xi problema, kemm noqgħod attent li ma nweġġax bi kliemi jew b’għemili, konxju li bl-għajnuna ta’ Alla kull problema tista’ tiġi affrontata?



+ TALBA +

(Wara l-Prietka saret din t-talba fuq il-familji kollha preżenti u sar tberik bl-ilma mbierek)


O Familja Mqaddsa ta’ Nażaret, Ġesù, Marija u Ġużeppi, f’idejkom nafdaw il-familji kollha tagħna. Bierku u ħarsu kull familja, kunu intom preżenti f’kull dar u mlewha bil-ferħ tal- preżenza tagħkom, bl-imħabba u l-paċi li intom biss tafu ġġibu magħkom. Kunu b’mod speċjali preżenti hemm fejn hemm it-tbatija u l-mard; kunu intom ta’ faraġ għal dawk li għaddejjin minn żminijiet diffiċli, ħa tkun il-preżenza tagħkom ta’ duwa għal dawk li huma mgħobbijin bit-toqol tal-ħajja. Illum nitolbukom għal barka speċjali fuq il-koppji kollha, ħa tagħraf kull koppja li l-familja tagħhom ma tkunx kompluta mingħajrkom. Nisslu fil-qlub kollha l-imħabba lejn it-talb u l- quddiesa biex hekk l-imħabba ta’ Alla tkun il-pedament li fuq tinbena l-ħajja ta’ kuljum f’kull familja. Imlew il-koppji tagħna bi spirtu ta’ djalogu sinċier, bir-rispett lejn kull membru tal- familja, bil-qawwa li taħfer u li titlob maħfra. Hekk biss il-familji tagħna jkunu tabilħaqq knejjes tad-dar. Nitolbukom għall-ulied tal-familji tagħna: għinu lill-ġenituri li għandhom it-tfal żgħar biex inisslu f’uliedhom il-ħbiberija ma’ Ġesù, l-akbar Ħabib li qatt jista’ jkollhom. Fil-qalb taż- żgħażagħ tagħna nisslu d-don tal-Fidi, u għinuhom jifhmu li Ġesù huwa l-akbar teżor li qatt jistgħu isibu fil-ħajja. Għinu lill-ġenituri li uliedhom tbegħdu mill-fidi biex qatt ma jaqtgħu qalbhom jitolbu għalihom u fuq kollox li juruhom bi mħabba li l-fidi tagħmel ħajja bis-sens, li l-qalb tal-bniedem tibqa’ vojta mingħajr Alla.


Nitolbukom fuq kollox għall-familja oħra, il-familja tal-Fidi li hi l-parroċċa tagħna: għinuna ħalli nikbru dejjem fl-imħabba u r-rispett ta’ xulxin, għinuna ħalli bħall-insara tal-bidu inkunu fuq kollox ningħarfu mill-imħabba ta’ bejnietna, għejnuna ħalli nkun familja ta’ familji skont il-qalb tagħkom.


U l-Mulej iberek u jħares lilkom ilkoll, u lill-għeżież kollha tagħkom; jagħmel minnkom għajn ta’ grazza, paċi u mħabba kull fejn tkunu iżda b’mod speċjali fil- familji tagħkom u jimliekom dejjem bil-qawwa tal-Imħabba tiegħu, + il-Missier, u l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu. Ammen.

bottom of page