Għad li l-ewwel reazzjoni tagħna quddiem lista ta’ regoli tkun waħda xi ftit jew wisq negattiva, għaliex narawhom bħala restrizzjoni tal-libertà tagħna, iżda l-ebda soċjetà jew grupp uman ma jista’ jirnexxi mingħajr regoli. Bħala eżempju nieħdu r-regoli tat-traffiku: żgur li għad li ma humiex perfetti, għax ebda ħaġa li jagħmel il-bniedem ma hi, iżda l-iskop tagħhom huwa li naslu fid-destinazzjoni tagħna mingħajr ma nkissru lilna nfusna u lil ħaddieħor. Mela jekk wieħed ikollu kunċett ta’ libertà żbaljat, jiġifieri jaħseb li libertà tfisser li jista’ jagħmel li jrid u li jaqbillu, u jidħol fil-karozza u jfettillu jgħid ‘ma rridx nagħti każ ta’ regoli, irrid insuq fuq il-lemin tat-triq’, żgur li naqblu li min jirraġuna hekk ikun qiegħed jagħmel ġennata. Iżda fejn tidħol il-liġi ta’ Alla huma ħafna li jirraġunaw hekk, u x’inhi l-konsegwenza...?
Fl-ewwel qari tal-lum, Mosè qiegħed jgħin lill-poplu t’Alla biex jifhem li l-liġi ta’ Alla hija rigal tal-Imħabba nfinita tiegħu: ‘“Staqsi liż-żminijiet tal-imgħoddi,... qatt xi alla fittex li jagħżel għalih poplu... b’għemejjel kbar tal-biża’, bħalma għamel għalik quddiem għajnejk fl-Eġittu l-Mulej, Alla tiegħek?’ Alla kien għadu kemm ħelsu mill-iskjavitù tal-Eġittu, kien għamel ħafna għeġubijiet miegħu fid-deżert: Mosè qiegħed jgħid lill-poplu: ‘Ara kemm iħobbok Alla, aċċetta din il-liġi minn idejh’. ‘Ħares, għalhekk, l-ordnijiet u l-Kmandamenti tiegħu li se nagħtik illum biex ikollok riżq, int u wliedek warajk, ...”.’
Il-Liġi ta’ Alla hija l-bażi ta’ kull soċjetà ċiviliżżata, u dan aktar u aktar jgħodd għall-ewwel 3 kmandamenti li jirrigwardaw ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Il-bniedem li jiċħad l-eżistenza ta’ Alla, jew forsi, kif jagħmlu ħafna llum, jiġi jaqa’ u jqum jekk Alla jeżistix jew le, huwa l-bniedem li jagħmel lilu nnifsu alla, u hekk jispiċċa r-rispett u l-imħabba lejn xulxin; hekk verament li l-libertà issir ‘nagħmel li rrid u li jaqbilli’ u l-bniedem ma jibqax iħobb iżda jibda jgħaffeġ fuq ħaddieħor biex mingħalih joqgħod sewwa hu.
Xi ġrazzja kbira hija l-Ewkaristija, xi grazzja kbira li tisma’ l-Kelma ta’ Alla li tistedinna nidħlu fina nfusna u nirriflettu fuq x’qed jiġri f’qalbna. ‘Sewwa hi l-kelma tal-Mulej, kollox bil-fedeltà huwa għamel. Hu jħobb id-dritt u s-sewwa; bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art.’ Mingħajr il-Mulej ma jeżistix id-dritt u s-sewwa, mingħajru ma teżistix l-imħabba vera.
Illum qegħdin nagħmlu l-festa tat-Trinità Qaddisa, Alla huwa komunità ta’ mħabba perfetta: mhux possibli nifhmu lil Alla, kif tista’ tifhem li Alla huwa wieħed u tliet Persuni? Ħjiel ta’ dan tagħtihulna l-imħabba; meta tnejn iħobbu lil xulxin aħna ngħidu li ‘huma qalb waħda u ruħ waħda’. L-imħabba tressaq tnejn lejn xulxin, tagħmilhom, biex ngħidu hekk, jixbħu lil xulxin. Alla tagħna huwa spirtu u allura l-imħabba bejn il-persuni hija tant perfetta li għad li huma 3 persuni, distinti minn xulxin, fl-istess ħin l-għaqda ta’ mħabba bejniethom hija tant perfetta li ma humiex 3 allat iżda Alla wieħed. San Ġwann jagħtina l-isbaħ definizzjoni ta’ Alla meta jgħidilna ‘Alla hu Mħabba’, allura min jitbiegħed minn Alla jkun tbiegħed mill-imħabba.
Ġesù fil-vanġeli tal-lum qiegħed jibgħat lill-appostli u lilna biex inwasslu sa truf l-art din l-aħbar li ma hijiex sempliċment aħbar iżda hija l-akbar rigal li qatt ingħata, jiġifieri l-imħabba t’Alla. Santa Teresa ta’ Kalkutta kemm kellha raġun meta qalet li fost il-faqar kollu li esperjenzat f’ħajjitha, l-agħar forma ta’ faqar huwa dak spiritwali jiġifieri fejn ma hemmx Alla.
Nistaqsu lilna nfusna; kif naħsibha jien dwar il-liġi ta’ Alla u kemm nemmen li dak li jitlob minni Alla, jitolbu minni għax iħobbni? Kemm għandi rispett u qima lejn Alla fi kliemi u għemili għax nemmen li daqsu ħadd ma jħobbni?
Nitolbuk Mulej Alla tagħna, nissel fina imħabba dejjem akbar lejk, u għenna nemmnu li jekk nitbegħdu minnek nkunu qegħdin nitilfu l-aktar ħaġa importanti tal-ħajja, jiġifieri dik l-imħabba li tagħti sens lil ħajjitna.