top of page

Il-Ħames Ħadd tal-Għid - Sena B

Writer's picture: Għasri ParishGħasri Parish



Ikun hemm raġel li nqabad f’maltempata u d-dar tiegħu spiċċat mgħarrqa ġo l-ilma. Huwa tela fuq il-bejt tad-dar għax ma setgħax jaħrab minħabba l-ilmijiet għolja, u beda jitlob ’l Alla jeħilsu minn dan il-gwaj. Ftit wara xi ġirien resqu lejh bid-dgħajsa li kienu qed jaħarbu biha u qalulu jirkeb magħhom, iżda huwa ma riedx għax qalilhom ‘jien qed nitlob u Alla żgur li kien ser isalvani’. Ftit wara ġew tar-Rescue, iżda l-istess huwa baqa’ jinsisti li Alla kien ser isalvah u ma riedx imur magħhom. Fl-aħħar saħansitra ġie ħelikopter u niżżillu l-ħabel biex itellgħu, iżda, minkejja li l-ilma kien għola sew, huwa baqa’ jinsisti li Alla żgur li ser isalvah, u ma aċċettax l-għajnuna. Fl-aħħar l-ilma tant għola li ġarru u għereq. X’ħin deher quddiem Alla kien ftit irrabjat, u qal lil Alla, “ta’ xejn tlabtek, għax ma salvajtnix, mhux hekk tgħidilna li min jitlob jaqla?” Iżda Alla, bil-kalma kollha, qallu “Ħabib bgħattlek il-ġirien bid-dgħajsa u ma ridtx, bgħattlek tar-Rescue u l-ħelikopter u ma aċċettajtx l-għajnuna, xi stajt nagħmillek aktar?”


Din iċ-ċajta fiha tagħlima kbira li taqbel ma dak li smajna fl-ewwel qari tal-lum. L-ewwel net ninnutaw kemm l-appostli kienu umani bħalna, hekk li ma emmnux mal-ewwel li Sawlu jew Pawlu, kif sar magħruf wara, kien verament ikkonverta; ‘meta Sawl wasal Ġerusalemm beda jfittex li jissieħeb mad-dixxipli. Imma lkoll kienu jibżgħu minnu, għax ma kinux emmnu li tassew ikkonverta.’ Meta mbagħad, Barnaba ħadu għand l-appostli u tahom xhieda ta’ kulma ġara u kif Sawl kien deherlu l-Mulej, huma bdew jafdawh. Mela l-appostli kienu bnedmin bħalna u, avolja kellhom Fidi kbira, ma kienux bċieċen u jibilgħu kollox. It-tieni net, meta saru jafu li xi Lhud, tant kienu rrabjati għal Sawl għax kien ikkonverta, li kienu saħansitra qed ifittxu li joqtluh, ma qagħdux jgħidu Alla jeħilsu u ma għamlu xejn, iżda bgħatuh Tarsu. Importanti li nżommu f’moħħna li Alla tana moħħna biex nużawh, u li hija l-eċċezzjoni mhux ir-regola li huwa jinqeda b’mirakli biex jurina mħabbtu, normalment huwa jinqeda jew bil-kapaċitajiet tana jew inkella bl-għajnuna ta’ ħaddieħor.


‘Il-Knisja kienet fis-sliem...; kienet dejjem tikber u timxi ’l quddiem bil-biża’ tal-Mulej, u tiżdied fl-għadd bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.’ Fuq kollox l-appostli kellhom il-konvinzjoni profonda li minkejja li huma kienu qed jagħmlu ħilithom biex iwasslu lil Ġesù, dak li kien qiegħed iwettaq u jwassal għas-suċċess tal-ħidma tagħhom, ma kienux huma, iżda l-Ispirtu s-Santu; din hija umiltà vera u prattika.


Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jxebbaħ lilu nnifsu ma’ dielja, u jgħidilna: ‘Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija.’ Kif nistgħu aħna bħal friegħi tad-dielja nibqgħu ħaġa waħda fil-Mulej? Bit-talb, u fuq kollox bil-quddiesa u s-sagramenti. ‘Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn.’ U xi jfisser dan il-Frott li jagħmlu dawk li jibqgħu fih? It-tweġiba jagħtihielna San Ġwann, fit-tieni qari tal-lum: ‘Dan hu l-kmandament tiegħu: li nemmnu fl-isem ta’ Ibnu Ġesù Kristu, u nħobbu ’l xulxin, kif wissiena hu.’ Il-frott li jagħmlu dawk li huma tabilħaqq fil-Mulej hija l-imħabba. ‘Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar. Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għedtilkom.’ Nistaqsu lilna nfusna: Jien fergħa li tinsab magħquda ma’ Ġesù, għaliex ngħix bl-Ewkaristija, jew fergħa li nixfet jew inqatgħet għaliex twarrabt minn dan is-Sagrament tal-ħajja? Kemm nemmen li l-frott uniku li jogħġob lill-Mulej hija l-imħabba vera lejn xulxin, hekk biss nuru li Hu qiegħed jgħammar fina u aħna fiH?


Nitolbuk Mulej agħtina l-grazzja tiegħek biex inkunu dejjem il-friegħi li huma ħaġa waħda fik, u li jieħdu l-ħajja tagħhom minnek; ħa tkun il-Kelma tiegħek l-għodda tal-Missier li ssaffina biex nagħmlu aktar frott, u jekk xi darba ninqatgħu minnek, agħtina Mulej li nintebħu bl-iżball tagħna, biex hekk b’umiltà vera nerġgħu nfittxu lilek, għax int biss tista’ anke fergħa niexfa terġgħa tagħtiha l-ħajja. Ammen.

bottom of page