top of page

Il-Ħames Ħadd tar-Randan – Sena B

Writer's picture: Għasri ParishGħasri Parish



Il-kelma ‘Patt’ nisimgħuha sikwit meta nkunu l-knisja: ‘imma xi tfisser eżatt?’ Patt huwa speċi ta’ kuntratt, rabta/ftehim bejn tnejn minn nies. Fil-Bibbja insibuha sa minn żmien Noe, li malli ħareġ mill-arka wara d-dilluvju, Alla jagħmel patt miegħu li qatt aktar ma jeqred il-bniedem b’kastig tad-dnub. Imbagħad Alla jagħmel patt ma’ Abraham, u jwegħdu nisel kbir ‘daqs il-kwiekeb tas-sema u daqs ir-ramel ta’ xatt il-baħar’. Dan il-patt Alla jġeddu f’forma ta’ liġi mal-poplu tiegħu wara li hu ħareġ mill-iskjavitù tal-Eġittu. Il-kelmiet ta’ dan il-patt kienu li jekk il-poplu josserva din il-liġi, “Huwa (Alla) jkun Alla tagħhom (jipproteġihom) u huma jkunu l-poplu tiegħu”.


L-iskop ta’ dan il-patt kien li l-poplu jagħraf id-dnub tiegħu, jagħraf li huwa qatt ma jista’ jiġġustifika lilu nnifsu, qatt ma jista’ jkun fidil lejn il-patt ma’ Alla, u hekk jixxennaq għal rabta ma’ Alla li ma tiddependix mill-imġieba tiegħu u hekk jixtieq il-Messija, dak li kellu jwettaq il-patt f’isem il-poplu kollu. ‘Jien nagħmel patt ġdid ma’ dar Iżrael u dar Ġuda; mhux bħall-patt li għamilt ma’ missirijiethom fiż-żmien meta qbadthom minn idejhom biex ħriġthom mill-art tal-Eġittu, il-patt tiegħi li huma kisru, għalkemm jien kont l-għarus tagħhom...’


‘Inqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom; u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.’ Il-patt ġdid mhux ser ikun miktub fuq it-twavel tal-ġebel iżda f’qalb il-bniedem, u fil-waqt li l-patt il-qadim ma kienx jieħu inkonsiderazzjoni l-fatt li l-bniedem mhux kapaċi josserva l-liġi dejjem, għaliex huwa bniedem dgħajjef u midneb, il-patt il-ġid huwa patt li jaħfer id-dnub tal-bniedem. ‘Għax jien naħfrilhom ħżunithom, u ħtijiethom ma niftakarhomx aktar.’ Is-salm tal-lum jesprimi b’mod mill-aktar qawwi kif iħossu l-bniedem tal-patt il-qadim u fl-istess ħin dak li Alla ser jagħmel fil-patt il-ġdid. ‘Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.’ Il-Mulej ma jaħfirlix għax ħaqqni jew għal xi mertu tiegħi, iżda għax huwa Alla tajjeb u ħanin.


Il-vanġelu tal-lum jurina li huwa f’Ġesù u f’Ġesù biss li jitwettaq il-patt bejn Alla u l-bniedem; għaliex Ġesù, li ma għamel ebda dnub, u li fl-istess ħin huwa bniedem bħalna, iwettaq il-patt għalina u f’isimna, u dan jagħmlu fuq is-salib kif ngħidu fil-kelmiet tal-konsagrazzjoni. Fil-vanġelu tal-lum xi Griegi, juru nteress biex jiltaqgħu ma’ Ġesù. Ġesù jara dan bħala s-sinjal li ‘“Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun igglorifikat.’ Il-glorifikazzjoni ta’ Ġesù isseħħ fil-mument li hu jagħti ħajtu għad-dinja skont il-pjan tal-Missier. Huwa jurina b’dan l-akbar misteru tal-ħajja, jiġifieri li min irid isalvaha u allura jkun egoist u jaħseb biss fih innifsu jispiċċa jitlef is-sens ta’ għalfejn qed jgħix, iżda min jagħtiha, min ikun ġeneruż, min iħobb bla ma joqgħod jagħmel ħafna kalkoli, dan hu li jiskopri is-sens veru tagħha (tal-ħajja). ‘Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta’ dejjem.’ Għalhekk ma hemmx triq oħra biex wieħed jagħmel ir-rieda ta’ Alla ħlief dik li jimxi wara Ġesù billi jerfa s-salib tiegħu f’għaqda mal-Mulej. Nistaqsu lilna nfusna: kemm jiena midħal tal-misteru tal-ħajja kif imwassal lilna minn Ġesù jiġifieri li jekk jien inkun egoist nispiċċa nitlef is-sens tal-ħajja, iżda jekk nagħti ħajti bl-imħabba jien niskopri s-sbuħija tagħha?


Nitolbuk Ġesù biex nagħrfu li int il-mudell waħdieni tal-vera mħabba, inti l-Ktieb il-Kbir, kif kien iħobb isejjaħlek San Ġorg Preca, għaliex int biss tista’ tirrivelalna l-misteru tal-ħajja. Għinna ħalli qatt ma naqilgħu għajnejna minn fuqek, biex hekk fik u bik nitgħallmu x’inhi l-vera mħabba, u nirċievu l-grazzja li ngħixuha għal dejjem. Ammen.



bottom of page