top of page

In-Nawfraġju ta' San Pawl - 10 ta'Frar



𝟏𝟎 𝐭𝐚’ 𝐅𝐫𝐚𝐫—𝐈𝐧-𝐍𝐚𝐰𝐟𝐫𝐚ġ𝐣𝐮 𝐭𝐚𝐥-𝐀𝐩𝐩𝐨𝐬𝐭𝐥𝐮 𝐌𝐢𝐬𝐬𝐢𝐞𝐫𝐧𝐚 𝐒𝐚𝐧 𝐏𝐚𝐰𝐥, 𝐏𝐚𝐭𝐫𝐮𝐧 𝐭𝐚’ 𝐌𝐚𝐥𝐭𝐚


Il-Poeta Nazzjonali tagħna, Dun Karm Psaila, ta’ kull sena, fl-10 ta’ Frar kien jikteb poeżija: f’waħda minnhom jibda u jtemm il-poeżija tiegħu b’dawn il-kelmiet:


"Le ma qamx minn jeddu l-baħar

ma venvinx minn jeddu r-riħ

it-taqliba kienet twaħħax

iżda l-ħsieb ħanin sabiħ."


Kemm fihom għerf tas-sema dawn il-kelmiet mirquma u kemm jirriflettu dak li tgħidilna l-Kelma t’Alla llum! Fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli, kapitlu 27 li jirrakkonta l-vjaġġ ta’ Pawlu lejn Malta permezz ta’ tempesta qalila, u l-kapitlu 28 li fih insibu l-wasla Malta u ftit dettalji dwar iż-żmien tiegħu hawn, jekk wieħed jiflihom sew isib xi dettalji fihom li għandhom ikunu ta’ riflessjoni profonda għalina.


Fil-grajja nsibu li meta l-bastiment li kien fuqu Pawlu kien qed jitqagħbad f’nofs ta’ tempesta, Pawlu jqum jitkellem u jgħid fost l-oħrajn: ‘...dal-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim...’. Int ta’ liema alla int, u lil min tqim? Fil-ħajja xi alla jrid ikollok; jekk ma jkunx Alla l-veru, ikun xi wieħed mill-allat foloz ta’ żmienna, bħalma huma l-ġid tad-dinja, il-pjaċiri tal-ġisem, il-poter... u forsi l-aktar alla falz komuni ta’ żmienna huwa l-‘jien’, jiġifieri l-bniedem li jagħmel lilu nnifsu alla. Ejjew niftakru li Alla wieħed biss hemm li jagħti ħajtu għalina għax iħobbna u biex isalvana, l-allat foloz kollha inħallsuhom prezz qares aħna, u fl-aħħar minn l-aħħar jispiċċew jirrovinawlna ħajjitna.


Pawlu jispiċċa jitkellem hekk: ‘Jinħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira.’ Għal min kien jinħtieġ? Ħadd f’din id-dinja ma ried li dak il-bastiment jasal Malta, il-vjaġġ kellu jwassal Ruma, u ma kienx ippjanat jgħaddi Malta. Kienet biss ir-rieda t’Alla li nqeda permezz ta’ tempesta qalila biex Pawlu jasal fostna u jxandrilna l-Evanġelju. Kos hux Alla fl-infinità ta’ mħabbtu għalina, għażilna mhux għax għamilna xi ħaġa aħna, iżda għax ried iwasslilna s-salvazzjoni tiegħu sa mill-bidu tat-tħabbira tagħha u permezz ta’ wieħed mill-appostli tiegħu. Kemm ma għandniex kliem biex nirringrazzawh u nfaħħruħ kif jixraqlu! Tajjeb li allura nistaqsu lilna nfusna: jien kemm jien konvint li Alla jħobbni?


Aktar il-quddiem fir-rakkont, meta kienu waslu aktar qrib lejn Malta nsibu dawn il-kelmiet: ‘Pawlu qabad jagħmel il-qalb lil kulħadd... “Għalhekk agħmlu l-qalb u trejqu b’xi ħaġa tal-ikel; dan jiswielkom għal saħħitkom,...” Aħna wkoll għaddejjin mill-vjaġġ tal-ħajja, u kultant il-ħajja tlaqqagħna wkoll mat-tempesti tagħha: kemm aħna lesti li ngħinu u nagħmlu kuraġġ lil xulxin, kemm aħna attenti għall-ħtiġijiet ta’ ħutna? Huwa dan li jagħmel il-ħajja sabiħa u mhux l-ħafna ġid tad-dinja li jista’ jkollna. Ejjew ma naqgħux fit-tentazzjoni ta’ Kajjin li meta Alla staqsieh ‘Fejn hu ħuk Abel’ li hu kien qatel, wieġeb, “Ma nafx. Jaqaw jien għassies ta' ħija?”. Din hija tentazzjoni kbira wisq fi żmienna: iva l-qattiel ma huwiex biss dak li joqtol b’mod dirett lil xi ħadd, iżda qattiel huwa wkoll dak li ma jimpurtaħx minn ħuh, u mill-bżonnijiet tiegħu.


Naħseb li lil ħafna minna, l-bidu ta’ kapitlu 28 tal-Atti jqajmilna ġisimna xewk xewk kif ngħidu: ‘Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa li ma bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll...’. Kieku kellu jiġi Pawlu llum, tgħid konna nilqgħuh, jew konna nibdew nfittxu raġuni ‘ġusta’ biex inkeċċuh minn pajjiżna? Naħseb li ma nkunx nesaġera jekk nistaqsi: x’sar minnha dik il-qalb tant tajba ta’ missirijietna li laqgħet lil Pawlu u lil dawk kollha li kienu miegħu b’tant imħabba? Niftakru li dak kollu li hu ta’ din id-dinja għad irridu nħalluh warajna u ma nieħdu xejn magħna, nieħdu magħna biss dak li nkunu tajna bi mħabba lil min hu batut u fqir.


Ninnutaw ukoll li meta Pawlu qabad qatta zkuk niexfa u tefagħhom fin-nar, ikun hemm lifgħa li ħarġet u qabdet ma id Pawlu; ‘In-nies tal-gżira, kif raw il-lifgħa mdendla ma’ idu, bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Dan ir-raġel żgur xi qattiel, għax għad li ħelisha mill-baħar, il-Ġustizzja ma ħallitux jgħix!”... Wara li damu jistennew ħafna u raw li ma ġralu ebda deni, biddlu l-ħsieb u bdew jgħidu li kien xi alla.’ Tagħlima oħra li toffrilna din is-silta hija li qatt ma għandna ngħaġġlu niġġudikaw lill-oħrajn, għax iż-żewġ ġudizzji li għaddew fuq Pawlu missirijietna kienu t-tnejn żbaljati. Meta wieħed ikun iħobb iżekżek fuq l-oħrajn, fl-istess ħin ikun qiegħed jagħmel ħafna ħsara lilu nnifsu għax jibda jaħseb li ħaddieħor iżekżek fuqu wkoll.


Nitolbuk Mulej illum li niċċelebraw din il-ġrajja tant għażiża għalina biex tgħinna ħalli nibqgħu dejjem ngħożżu d-don tal-Fidi li Int ridt twasslilna permezz tal-Appostlu Missierna Pawlu: għenna wkoll ħalli nkunu dejjem nixbħu lil missirijietna fl-imħabba u l-ġenerożità li wrew miegħu u ma’ dawk li kienu miegħu meta wasal fostna. Ammen.

bottom of page