F’waħda mill-poeżiji sbieħ tiegħu D. Karm Psaila, il-Poeta Nazzjonali tagħna, jgħid hekk: “Qoxortu ħadd ma tesgħu, kulħadd jgħir għall-aħjar, u ftit ftit hawn min jaħseb kif Alla jrid fid-dar”. Din il-poeżija jisimha ‘Il-Progress’. Tgħid kien profeta l-poeta Nazzjonali tagħna? U mela kieku jiġi llum x’jgħid? Fl-aħħar ta’ din il-poeżija, b’ton sarkastiku jispiċċa hekk: ‘Imma għandna l-ajruplani, it-talkie, il-wireless, evviva s-seklu tagħna, is-seklu tal-progress’. Int kuntent tkun bħal ħaddieħor, jew trid dejjem tkun aħjar minn ħaddieħor? Il-bniedem tal-lum bħal donnu daħal f’manija li jrid dejjem ikun fuq ħaddieħor, ma jiflaħx ikun indaqs, u mbagħad nistagħġbu għax ma hawnx paċi u ferħ. Fir-relazzjonijiet tal-lum, u sfortunatament dan anke fil-familji jew anke ma’ dawk li ngħixu magħhom, waħda mill-akbar problemi hija li ninsabu dejjem bħal f’kompetizzjoni selvaġġa ta’ min jitla ’l fuq l-aktar, ta’ min għandu raġun l-iżjed, u anke jekk dan ifisser li biex nagħmel dan ikollna ‘ngħaffġu fuq xulxin’.
Fl-ewwel qari tal-lum smajna: ‘Int, Betlehem..., ċkejkna fost il-familji ta’ Ġuda, minnek għad joħroġli dak li jkun prinċep f’Iżrael; hu għandu l-bidu tiegħu mill-qedem, sa minn dejjem ta’ dejjem...’. Alla biex jitwieled fostna ma jagħżilx xi belt kbira bħal Ġerusalemm, fejn jgħixu n-nies l-‘importanti’, iżda daqsxejn ta’ belt ċkejkna, Betlehem, belt imdawra bir-raba, bdiewa u ragħajja. Tgħid għaliex Alla, bil-maqlub tal-bniedem, ifittex li jiċċekken, u mhux jiddomina fuqna; tgħid għaliex isir wieħed minna, anżi skont il-kalkoli umani, wieħed fost l-anqas minna? Dan għaliex il-bniedem supperv, jiġifieri l-bniedem li ma jridx ikun bħall-oħrajn iżda fuqhom, huwa bniedem li ma’ jistax iħobb, tilef l-aktar ħaġa importanti, jiġifieri l-kapaċità li jesperjenza l-imħabba u li jħobb. Alla tagħna li huwa Mħabba jagħmel bil-maqlub, isir wieħed minn, u jagħżel għalih l-aħħar post.
Bħala mudell u eżempju ta’ dan kollu l-qari tal-lum joffrilna lil Ommna Marija: ‘F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta.’ Hija kienet għada kemm irċeviet l-akbar aħbar li qatt ingħatat, jiġifieri li Alla jrid isir bniedem permezz tagħha, iżda flok ma tkabbret u ppretendiet li l-oħrajn iservu lilha, hija titlaq għal vjaġġ ta’ xi 150 kilometru biex isservi lil qaribitha. X’tagħlima għall-bniedem tal-Lum! Il-ferħ veru, u fuq kollox il-paċi tal-qalb, ma jinsabux fil-kburija, fuq kemm ikollok flus, kemm tiddeverti jew tgawdi, iżda fuq kemm tagħmel esperjenza tal-imħabba t’Alla lejk, twieġeb għaliha, u ssir strument biex din l-imħabba t’Alla tasal għand l-oħrajn. Jekk il-bniedem jirnexxi f’kollox iżda jfalli f’dan ikun tilef kollox; jekk minn naha l-oħra jirnexxi f’din il-ħaġa, anke jekk jgħaddi minn ħafna provi, huwa jkun rebaħ l-aktar waħda importanti, anzi l-unika waħda importanti. Nistaqsu lilna nfusna: Jien fil-ħajja xi rrid, niddomina fuq ħaddieħor, jew li nħobb? Kemm naċċetta li Alla ħabbni tant li mhux biss tani kullma għandi u kulma jien, iżda fuq kollox tani lilu nnifsu? kemm ftaħt qalbi għal din l-imħabba għax nemmen li hija l-aktar ħaġa importanti tal-ħajja?
Nitolbuk Mulej, f’dan l-aħħar Ħadd qabel niċċelebraw it-twelid tiegħek fostna, agħtina l-grazza li niftħu qalbna beraħ għall-imħabba tal-għaġeb li Alla l-Missier irid jurina permezz tiegħek, u li ngħixuha billi nħobbu tassew lil xulxin kif tħobbna int. Ammen