top of page

Ir-Raba' Ħadd tal-Għid - Sena B

Writer's picture: Għasri ParishGħasri Parish


Naħseb li lkoll kemm aħna xi darba jew oħra ġie l-ħsieb f’moħħna dwar minn xiex salvana l-Mulej? Xi tfisser is-Salvazzjoni li tant nitkellmu minnha? Kif tolqot lilna fil-ħajja preżenti? Meta nitkellmu minn salvazzjoni qed nitkellmu minn realtà li mhux faċli nifhmha għaliex hija marbuta mad-destin tagħna, u d-destin taghna huwa fundamentalment marbut mar-raġuni li għaliha konna maħluqa. Alla lilna ħalaqna biex jaqsam magħna mħabbtu u ħajtu stess: infatti l-ktieb tal-Ġenesi jgħidlna li Alla meta ħalaq il-bniedem ‘nefaħ fi mnifsejh nifs il-ħajja’. Dan in-nifs ta’ Alla fina jfisser li Alla tana l-istess ħajja tiegħu. Mela s-sens tal-ħajja huwa wieħed biss, li aħna maħluqa minn Alla u r-raġuni tal-eżistenza tagħna hija li nkunu miegħu; hemm biss insibu dik il-paċi tal-qalb li hija riżultat li nħossuna f’postna. Mela r-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla ma hijiex xi lussu, xi ħaġa li ngħaddu għaliha, iżda hija neċessità għall-bniedem li jrid jgħix ta’ bniedem: mingħajr ir-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla l-bniedem jispiċċa l-akbar għadu tiegħu nnifsu u ta’ għajru, u fl-aħħar jispiċċa biex jeqred lilu nnifsu.



Huwa f’dan il-kuntest li rridu nifhmu l-ewwel qari tal-lum: l-ewwel insara fehemu li dak li jgħodd f’din il-ħajja huwa dak li jibqa’ għal dejjem, dak li Alla biss jista’ jagħtihulna. Dan ma jfissirx li r-relazzjoni tagħna ma’ Alla tiswa’ biss biex immorru l-ġenna, iżda tiswa’ wkoll biex nifhmu din il-ħajja, biex nagħmlu għażliet tajbin hawn, biex nagħmlu dawk l-għażliet li ma jkissrux lill-oħrajn u lilna stess, għażliet li jagħtuna l-paċi tal-qalb anke minn hawn stess.



‘F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi”. Pietru kien ċar ħafna fi kliemu: huwa qal li f’Ġesù, l-imsallab li qam mill-mewt, biss nistgħu aħna nsibu s-salvazzjoni, jiġifieri t-triq li twassalna għand Alla, it-triq li teħodna lura lejn dak id-destin li tlifna bid-dnub tagħna. Mingħajr Ġesù hemm biss telfien, mingħajru ikollna kemm ikollna u xi jkollna f’din il-ħajja, il-ħajja tagħna hawn tibqa vojta u nitilfu kollox fl-aħħar, jekk nibqgħu mingħajru.



Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù qed jurina l-identità tiegħu: ‘...bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier;’ mela l-ewwel u qabel kollox Ġesù huwa ħaġa waħda mal-Missier, huwa Alla minn Alla kif ngħidu fil-kredu; ‘Għalhekk iħobbni l-Missier, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha... din hi l-ordni li ħadt mingħand Missieri”; dan ifisser f’Ġesù biss insibu s-salvazzjoni, jiġifieri dik it-triq li treġġagħna lura lejn l-ideal li għalih konna maħluqa, it-triq li twassalna għad-destin waħdieni tagħna li nkunu fi ħdan Alla għal dejjem. Mela Ġesù huwa Alla wieħed mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu, li sar bniedem biex ikun jista’ jbati u jmut, iżda fuq kollox biex iqum mill-mewt u hekk jirbaħ fuq il-ħażen kollu li eżista u li qatt jeżisti, u biex finalment iwassal lil dawk li jemmnu fih għad-destin waħdieni tagħhom.



Ġesù sar bniedem biex ikun jista’ jsir ir-Ragħaj tal-merħla li kienet xterdet, tagħna li d-dnub kien tant għamlilna ħsara: ‘Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu.’ Sfortunatament aħna l-bnedmin, boloħ li aħna, niġru wara x-xrik, ragħaj mikri li ħsiebu f’butu u mhux fin-nagħaġ: illum il-Mulej qiegħed jiftħilna għajnejna. Nistaqsu lilna nfusna: jien nemmen li s-salvatur waħdieni tiegħi hu Ġesù, jiġifieri li fih biss nista’ nsib is-sens ta’ ħajti, miegħu biss nista’ ngħix ħajja bis-sens? Jien f’ħajti wara min miexi wara r-ragħaj it-tajjeb jew wara ragħaj mikri li ma jimpurtaħx minni, iżda jimpurtah biss minn butu?



Nitolbuk Mulej, illum f’jum il-vokazzjonijiet, bierek il-Knisja tiegħek b’ħafna rgħajja qaddisin li jkomplu jfakkruna li int biss huwa r-Ragħaj it-Tajjeb tagħna, biex ikomplu jmantnuna bik permezz tal-Ewkaristija, ikomplu jqawwuna bil-grazzja tiegħek fis-sagramenti l-oħra, u fuq kollox biex ikunu magħna meta naslu fuq l-għatba tal-ħajja ta’ dejjem li int biss tista’ tagħtihielna. Ammen.

bottom of page