top of page

Ir-Raba Ħadd tar-Randan – Sena B

Writer's picture: Għasri ParishGħasri Parish



L-Istorja hija l-għalliema tal-ħajja: hekk kien jgħid proverbju latin antik. Hekk hu, għax kif ngħidu l-istorja tirrepeti ruħha, u min jinteressa ruħu minnha jsir jaf aktar min hu l-bniedem u min kienu l-antenati tiegħu. L-ewwel qari tal-lum jirrakkonta mumenti importanti ħafna fl-istorja ta’ Iżrael, il-poplu t’Alla tat-Testment il-qadim. Kif smajna, Alla kien ilu ħafna jieħu paċenzja bil-poplu u jibgħatlu l-messaġġiera jew il-profeti tiegħu biex jiftħulu għajnejh, iżda dan il-poplu tant kien stinat li ġab gwaj kbir b’idejh. Dan il-gwaj kien ġej mis-Saltna tal-Babilonja li kienet saret is-super potenza madwar 600 sena qabel Kristu. Nabukodonosor, is-sultan tal-Babilonja jattakka s-saltna ċkejkna ta’ Ġuda, jirbħilha, jfarrak il-pajjiż bit-tempju tiegħu u lil-Lhud li ħelsuha jkaxkarhom fl-eżilju. Hemm il-poplu daħal fi kriżi li ġabet magħha l-konverzjoni tiegħu kif smajna fis-salm.



Wara madwar 50 sena, il-Mulej jibgħat, sultan ieħor, lil Ċiru, is-sultan tal-Persjani li jagħmel ġwerra lill-Babilonja, jirbħilha u jagħmel xi ħaġa li ħadd qatt ma mmaġinaha, jiġifieri jħalli lil-Lhud imorru lura lejn pajjiżhom biex jerġgħu jibnu l-ibliet tagħhom u anke t-Tempju. Hekk Ċiru, sultan pagan, jsir simbolu u profeżija ta’ Kristu; kif Ċiru jeħles lil-Lhud mill-eżilju tal-Babilonja hekk Ġesù il-Mulej jeħles lilna mid-dnub. Iżda hemm ukoll differenza kbira, il-ħelsien li ġab Ċiru ftit idum, il-ħelsien li jagħtina Ġesù, għal min jaċċettah, jibqa’ għal dejjem. Infatti Ġesù fil-vanġelu tal-lum jgħidilna, ‘“Kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.’



Ninnutaw l-enfasi li jagħmel Ġesù fuq ‘il-ħajja ta’ dejjem’; dak li qiegħed iwiegħed ma huwiex xi ħaġa ta’ din id-dinja li tgħaddi iżda xi ħaġa li meta wieħed jakkwistaha ma jitlifha qatt. X’jiswa’ ta’ din id-dinja jekk jgħaddi u jtir mar-riħ, x’jiswew id-deheb u d-djamanti tad-dinja jekk rridu nħalluhom warajna. Dak li verament jiswa’ huwa dak li jibqa’ għal dejjem, dak li ħadd u xejn ma jista’ jeħodhulna, lanqas il-mewt, anzi l-mewt, għal dawk li jemmnu fiH, hi l-mument li jirċievu dan il-premju li jibqa’ għal dejjem. Mela dak li jibqa għal dejjem la nistgħu nimmeritawh aħna, u lanqas nistgħu nixtruh b’xi ħaġa ta’ din id-dinja, dan jingħatalna b’xejn kif qalilna San Pawl ‘Ħuti, Alla, għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa tal-imħabba kbira li biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu – bi grazzja intom salvi... permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b’don ta’ Alla; mhux bl-opri, biex ħadd ma jiftaħar.’



Dan kollu xi jfisser: ‘Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla.’ Ninnutaw ftit li fit-Testment il-Qadim il-Fidi kienet mibnija madwar liġi, kemm tosserva jew ma tosservax il-liġi; issa l-Fidi tagħna hija mibnija fuq il-persuna ta’ Ġesù, u għalhekk il-Fidi vera hija kemm taċċetta lil Ġesù jew le. Ġesù ikun merfugħ mill-art fuq is-salib biex kull min iħares lejh bil-fidi jkun meħlus, isir iben ta’ Alla, u jingħata b’wirt il-ħajja ta’ dejjem. Nistaqsu lilna nfusna: jien x’qed infittex fil-ħajja, liema huwa dak it-teżor li nixtieq, teżor li nista’ ngawdih għal ftit snin, jew dak it-teżor li jibqa’ għal dejjem, dak it-teżor li Ġesù biss jista’ jagħtihuli? It-tweġiba tagħna għal din il-mistoqsija tagħmel differenza kbira fil-mod kif aħna nilqgħu d-don tal-Għid il-Kbir li Alla qed joffrilna.



Nitolbuk Mulej, int li kont merfugħ-il fuq fuq is-salib, agħtina għajnejn mimlija fidi biex inħarsu lejk, hekk li naraw fik dak kollu li verament għandna bżonn, dak kollu li verament nixtiequ, għax bik u fik biss nistgħu nirċievu dak il-ġid li ħadd u xejn ma jista’ jeħodulna, dak il-ġid li int qed issejħilna biex ingawduh miegħek għal dejjem.


bottom of page