top of page

Is-16 Ħadd ta'Matul is-Sena B



Hija ħasra li fi żmienna l-figura tar-ragħaj ma għadiex teżisti. Dawk fostna li jiftakru żmien ilu

mhux ħażin, li fih il-biċċa l-kbira tal-familji li jgħixu fl-irħula kellhom l-annimali, żgur li jiftakru

li fix-xhur tax-xita, fejn il-kampanja kienet tkun tħaddar bil-ħaxix, ħafna kienu jieħdu l-merħla

tagħhom tirgħa. Huwa interessanti li ma teżistix merħla mingħajr ragħaj; il-merħla tixtered jekk

ma jkolliex ragħaj.


Il-Kelma t’Alla llum taqbad din it-tema tant għal qalb Ġesù, biex tgħinna nifhmu l-kobor tal-

imħabba t’Alla għalina. L-ewwel qari tal-lum jibda bi twissija ħarxa: ‘Gwaj għar-rgħajja li

jeqirdu u jxerrdu l-merħla tal-mergħa tiegħi... Intom xerridtu n-nagħaġ tiegħi,

gerrixtuhom u ma ħadtux aktar ħsiebhom.’ Il-Mulej Alla tagħna qiegħed iwissi lil dawk li

kellhom ir-responsabiltà li jieħdu ħsieb il-merħla, iżda li minflok użaw il-merħla għall-kapriċċi

tagħhom. Alla jħobbna bi mħabba bla qies, iżda l-imħabba tiegħu tasal għandna b’mod konkret

permezz ta’ xulxin. Aħna għandna din ir-responsabiltà gravi li quddiem dan Alla li jrid jinqeda

bina biex juri mħabbtu lejn l-oħrajn, kif jinqeda bl-oħrajn biex juri mħabbtu lejna, kull wieħed u

waħda minna jista’ jgħidlu ‘iva Mulej inqeda bija biex imħabbtek tasal għand l-oħrajn’ u jista’,

Alla ħares qatt, jgħidlu ‘le’. Tant hija importanti din, li Alla fuq hekk għad jiġġudikana. Din ir-

responsabiltà hija akbar għal xi wħud, pereżempju l-ġenituri lejn l-ulied, il-miżżewġin lejn

xulxin, saċerdot lejn il-komunità tiegħu eċċ...


‘Arawni, se naħseb fikom jien... U jiena niġbor il-fdal tan-nagħaġ tiegħi mill-artijiet kollha

li xerridthom fihom, u nreġġagħhom lura lejn il-mergħa tagħhom, u jnisslu u joktru. U

nqiegħed fuqhom rgħajja li jirgħuhom,’. Alla, mimli mħabba lejna, meta t-triq normali li biha

juri mħabbtu tisfa magħluqa minn xi bnedmin, huwa kapaċi jiftaħ triqat ġodda biex jagħmel dan.

L-aqwa waħda fost dawn it-triqat li bihom Alla juri mħabbtu lejna hija permezz ta’ Ibnu Ġesù:

‘Araw, għad jasal żmien... meta nqajjem lil David rimja ġusta, li jsaltan ta’ sultan, u

jmexxi bil-għaqal u jagħmel is-sewwa u l-ħaqq fil-pajjiż... U dan hu l-isem li jsejħulu: Il-

Mulej is-Sewwa tagħna”. Huwa Ġesù l-akbar espressjoni tal-Imħabba t’Alla lejna.

Fil-Vanġelu tal-lum naraw l-imħabba ta’ Ġesù lejn l-appostli hekk li x’ħin innota li kienu

għajjenin qalilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit”.


Il-mistrieħ mhuwiex ħela ta’ ħin; il-mistrieħ huwa mportanti għall-ġisem, għall-moħħ u anke

għall-ispirtu tagħna. Ġesù ikompli juri mħabbtu lejn il-bniedem; ‘Xħin niżel l-art mid-dgħajsa

ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj,

u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.’ X’kuntrast mar-rgħajja li jikkundanna l-ewwel qari tal-

lum! Nistaqsu lilna nfusna: Jien konxju li Alla urieni u jurini mħabbtu permezz tal-oħrajn?

Quddiem dan Alla li jrid ukoll juri mħabbtu lejn l-oħrajn permezz tiegħi, jien x’nagħmel; ngħidlu

iva jew le?


Nitolbuk Mulej, għinna ħalli nifhmu li fost ħafna affarijiet li aħna nqisu importanti fil-

ħajja, xejn ma hu mportanti daqs l-imħabba: għinna nitolbuk ħalli nikbru dejjem aktar fil-

konvinzjoni tal-imħabba tiegħek lejna, u biex nħalluk tinqeda bina biex turi mħabbtek lejn

l-oħrajn. Ammen.

bottom of page