Fis-soċjetà inġenerali l-bniedem iħossu mitluf, forsi biss numru, bla identità, iżda fil-gruppi
ż-żgħar aħna jkollna l-possibiltà li nsiru nafu lil xulxin, li nifhmu u naċċettaw lil xulxin, anke
li nikbru fir-relazzjonijiet tagħna u nitgħallmu naċċettaw opinjonijiet differenti. Il-gruppi ż-
żgħar jgħinuna nibnu relazzjonijiet ta’ ħbiberija li jagħmlulna ħafna ġid. Meta l-gruppi jkunu
fi ħdan parroċċa jew xi għaqda reliġjuza dawn jgħinuna nitolbu, nsiru nafu aktar lil Alla, u
jkollna għajnuna biex nifhmu l-Kelma t’Alla. Tinnota li dawk l-insara li jagħmlu parti minn
xi grupp ġeneralment ikollhom Fidi aktar b’saħħita.
Bħal kull ħaġa oħra iżda, meta wieħed jagħmel parti minn grupp irid joqgħod attent minn xi
tentazzjonijiet: pereżempju piki, l-atteġġjament ta’ ‘aħna aħjar minn dawk jew l-oħrajn’, u
allura nibdew nikkritikaw, jew forsi anke neskludu għal xi raġuni jew oħra. L-evanġelju tal-
lum għandu ħafna x’jgħallimna dwar dan. ‘Ġwanni qal lil Ġesù: “Mgħallem, wieħed raġel,
li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu
mhuwiex wieħed minn tagħna”.’ Anke l-appostli bħalna kienu jħossu t-tentazzjoni li
jeskludu; iżda Ġesù jgħallem lilhom u lilna: ‘“La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se
jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. Għax min
mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna.’ Fil-waqt li aħna l-bnedmin, k’ma noqgħdux
attenti, niddakkru mill-mentalità li teskludi, u dan anke fejn jidħol Alla u r-reliġjon, Alla
huwa bil-maqlub, huwa Missier li għandu jdejh dejjem miftuħa beraħ biex jilqa’ lil kulħadd,
anke dawk li aħna sfortunatament ma nsibulhomx post fil-komunitajiet tagħna.
Fl-ewwel qari tal-lum smajna kif Ġożwè, il-qaddej ta’ Mosè u dak li kellu jmexxi l-poplu
t’Alla warajh, ried lil Mosè jwaqqaf liż-żewġ żgħażagħ li bdew jipprofetiżżaw il-barra mill-
kamp, iżda Mosè jwissih; ‘“Jaqaw qiegħed tgħir minħabba fija? Jalla l-poplu tal-Mulej
ikun kollu profeti, u jalla l-Mulej iqiegħed fuqhom l-ispirtu tiegħu!”. Alla jrid ixxerred
bl-abbundanza l-imħabba tiegħu fuq kullħadd; huwa għandu l-preokkupazzjoni li din l-
imħabba tasal għand il-bnedmin kollha. Kemm huwa importanti li filwaqt li nagħmlu parti
minn gruppi, ikollna qalbna u idejna miftuħa għal kulħadd. Hekk aħna wkoll ikollna ftit minn
dik il-preokkupazzjoni ta’ Alla li jrid imħabbtu u s-salvazzjoni tiegħu tasal għand il-bnedmin
kollha.
Is-salm tal-lum qalilna: ‘Mill-kburija wkoll ħares il-qaddej tiegħek, tħalliha qatt
taħkimni. Imbagħad inkun bla ħtija u ħieles minn dnub kbir.’ Ħafna drabi wara l-
mentalità li trid teskludi, hemm mentalità ta’ suppervja, jiġifieri li jien/aħna aħjar minn
ħaddieħor: din hija mentalità li tagħmlilna ħafna ħsara għaliex hija kontra l-imħabba li aħna
msejħin għaliha. U Ġesù fil-vanġelu tal-lum ikompli jgħidilna li fejn nħossu t-tentazzjoni
għad-dnub, fejn nintebħu li aħna dgħajfin jeħtieġ li nagħmlu deċiżjonijiet li jgħinuna biex
naħarbu t-tentazzjoni. Hemm saying bl-Ingliż li jgħid: ‘The way to hell is paved with good
intentions’, dan għaliex dawn baqgħu intenzjonijiet u qatt ma seħħew fil-prattika. Il-bniedem
li jrid jaħrab id-dnub iżda ma jridx jaħrab dawk il-persuni, postijiet u oġġetti li jqarrbuh lejn
id-dnub, ikun qiegħed biss jidħaq bih innifsu. Nistaqsu lilna nfusna: Jien kemm nagħmel
tiegħi l-preokkupazzjoni ta’ Alla li jrid imħabbtu u s-salvazzjoni tiegħu tasal għand kulħadd?
Kemm nħalli ’l Alla jinqeda bija biex juri mħabbtu lejn dawk li niltaqa’ magħhom? Kemm
naħrab l-okkażjoni tad-dnub, konxju li jiena bniedem dgħajjef u li jekk nittarraf niġġarraf?
Nitolbuk Mulej għenna ħalli nintebħu xi ħsara kbira jagħmlilna d-dnub, u li meta
nċedu għalih int ma tkunx tista’ tinqeda bina biex twassal imħabbtek lejn l-oħrajn.
Għenna Mulej ħalli fuq kollox qatt ma neskludu ’l ħadd, iżda b’kulma ngħidu u
nagħmlu nfittxu li ndewqu lill-oħrajn is-sbuħija ta’ Mħabbtek. Ammen.