top of page

Is-27 Ħadd ta'Matul is-Sena B


Waħda mill-aktar affarijiet li l-bniedem jibża' minnha hija li jħossu waħdu. Li tħossok waħdek mhijiex xi ħaġa sabiħa, għax ħafna drabi din tfisser li ma tħossokx maħbub, u għalina l-bnedmin l-imħabba hija l-aktar ħaġa importanti. Il-bniedem li ma jħossux maħbub isibha diffiċli ħafna biex jagħmel sens mill-ħajja, għax l-imħabba hija l-qalb tal-eżistenza umana. Mhux ta’ b’xejn li fil-ktieb tal-Ġenesi, li jitkellem mill-bidu tal-eżistenza umana, insibu li Alla nnifsu jgħid: “Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu. Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih.” Alla, fl-għerf infinit tiegħu, jaf li l-bniedem, maħluq xbieha tiegħu, għandu bżonn fundamentali li jkun maħbub. Jekk aħna ġejjin mill-Imħabba, huwa ovvju li għalina l-imħabba hija l-aktar ħaġa essenzjali.


Ir-risposta ta’ Alla għal dan il-bżonn fundamentali tal-bniedem kienet iż-żwieġ u l-familja. "U l-Mulej Alla sawwar il-kustilja, li kien ħa mill-bniedem, f’mara u ġiebha lill-bniedem." B’dan il-kliem mirqum, il-kittieb sagru ispirat minn Alla jrid jgħidilna li r-raġel u l-mara mhux biss huma maħluqin għal xulxin, iżda huma wkoll tal-istess dinjità. Meta wieħed jikkonsidra li dawn il-kelmiet inkitbu f’kultura u f’dinja fejn l-ugwaljanza bejn ir-raġel u l-mara ma kinitx teżisti, ma jistax ma jħossx l-id ta’ Alla f’dan il-ktieb qaddis. “Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu, u jsiru ġisem wieħed.” It-triq l-aktar komuni, għad li mhijiex l-unika waħda, li biha l-bniedem iħossu maħbub hija dik taż-żwieġ u l-familja.


Fil-Vanġelu tal-lum, il-Fariżej jersqu lejn Ġesù biex jippruvaw ipoġġuh f’diffikultà. Staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu. Ġesù, li kien jaf li jekk jgħidilhom li ma jistax, kienu ser isemmulu l-fatt li Mosè kien qal li meta raġel jitlaq lil martu għandu jagħtiha bil-miktub, staqsiehom x’qal Mosè, jew aħjar x’tgħid il-liġi tagħhom. Dan xi jfisser? Mosè ma qalx li huwa tajjeb li wieħed jitlaq lil martu, iżda qal li mhux sewwa li raġel jitlaq lil martu bla ma jagħtiha kitba ta’ divorzju. F’dik is-soċjetà maskilista ta’ dak iż-żmien, jekk ir-raġel kien ikeċċi lil martu, u din tidħol f’relazzjoni oħra, l-ewwel raġel seta’ jixliha b’adulterju u l-piena kienet it-tħaġġir. Mosè talab il-kitba tad-divorzju biex jevita dan l-abbuż.


Ġesù kien ċar ħafna fit-tweġiba tiegħu: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dan l-ordni. Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara... Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.” F’għajnejn Alla, iż-żwieġ ifisser li r-raġel jagħti lilu nnifsu lill-mara u l-mara tagħti lilha nnifisha lir-raġel, u għalhekk ma jagħmilx sens li titlob lura dak li tkun tajt. F’dan iż-żmien fejn ħafna żgħażagħ jibżgħu mir-rabta taż-żwieġ, huwa importanti li ngħidu li ż-żwieġ, skont il-qalb ta’ Alla, huwa sejħa importanti ħafna, u għalhekk jirnexxi biss jekk ikun hemm Alla fil-qalb tal-miżżewġin.

Fit-tieni qari tal-lum, smajna wkoll li Ġesù salvana permezz tat-tbatija fuq is-salib: hu jurina li l-imħabba vera trid tkun lesta li tbati għal min tħobb. Min jidħol għall-ħajja miżżewġa u ma jkunx lest li jbati għal min iħobb, ma jistax jistenna li relazzjoni tirnexxi. Nistaqsu lilna nfusna: f’dan iż-żmien li fih il-liġi f’Malta tippermetti d-divorzju, x’inhi l-idea tiegħi dwar iż-żwieġ?


Mulej Ġesù, minn qalbna llum nixtiequ nressqu quddiemek il-miżżewġin kollha biex tgħinhom jemmnu fil-qdusija tas-sejħa li għamiltilhom, u biex iżommu dejjem lilek fiċ-ċentru tar-relazzjoni u l-familja tagħhom. Ammen.

Comments


bottom of page