
Żgur li l-aktar ħaġa mportanti għalina l-bnedmin hija li nkunu ferħanin; x’jiswa’ li jkollok xi
jkollok fil-ħajja jekk ma tkunx ferħan? Iżda wara kollox x’jagħmlek ferħan? Din il-mistoqsija ma
għandiex tweġiba faċli. Bnedmin differendi jfittxu l-ferħ f’affarijiet differenti, u mhux l-ewwel
darba li wieħed jibqa’ diżappuntat għax ikun ħela ħafna enerġija u żmien ifittex il-ferħ f’xi ħadd
jew xi ħaġa u wara ż-żmien jinduna li kien imqarraq.
Il-qari tal-lum ikellemna dwar il-ferħ. Fis-Salm tal-lum smajna, ‘Hieni l-bniedem li ma jimxix
fuq il-pariri, tal-ħżiena,... imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu’. Skont is-salm tal-lum
il-ferħ veru jinsab fil-ħarsien tal-liġi tal-Mulej, jiġifieri l-għaxar kmandamenti. Fl-ewwel qari
Ġeremija jmur pass il-quddiem; ‘Misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin, li jfittex il-qawwa
tiegħu fil-ġisem, u titbiegħed qalbu mill-Mulej... Imbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej, u
l-fiduċja tiegħu fil-Mulej’. Hawn il-profeta jgħidilna li hu mbierek minfolk hieni l-bniedem li
jittama fil-Mulej, u mhux fil-liġi tiegħu. Interessanti għaliex hawn il-profeta qiegħed jgħidilna li
huwa fir-relazzjoni personali ma’ Alla li l-bniedem ikun imbierek.
Dan kollu ma jfissirx li min jagħżel lill-Mulej l-ewwel u qabel kollox fil-ħajja tiegħu, ser isib
kollox ward u żahar. Hija fidi nfantili li tistenna li għax temmen jew tipprattika l-fidi, Alla ser
isir għalik qisu magician li jiġri warajk u kull problema li tkun ser tinqala huwa jsolvihielek
b’daqqa tal-bakketta maġika. Li temmen ifisser li temmen li Alla huwa miegħek tul il-vjaġġ tal-
ħajja, temmen li huwa jwieżnek fil-problemi tal-ħajja, temmen li huwa kapaċi joħroġ it-tajjeb
anke mill-aktar esperjenzi negattivi. Il-bniedem li jemmen irid jaċċetta li lil Alla mhux dejjem
ser jifhmu, u allura għad li xi drabi jkollu ħafna mistoqsijiet fil-ħajja hu dejjem iżomm f’moħħu
dak li jgħid is-Salm 23, ‘Anke meta nimxi f’wied mudlam ma’ nibżax mill-ħsara għax inti
miegħi’.
Il-Vanġelu tal-lum jidħer kontradizzjoni għal mod kif is-soltu naħsbu aħna. Kif jista’ jkun hieni
min hu fqir, bil-ġuħ, qed jibki jew min hu ppersegwitat minħabba Ġesù? Minn naħa l-oħra Ġesù
jwissi lill-għonja, dawk li għalissa huma mxebbgħin, dawk li għalissa jidħqu, dawk li kulħadd
isemmihom fil-ġid għaliex il-kawża tal-ferħ tagħhom ftit iddum, u allura anke l-istess ferħ. Ġesù
hawn ma jridx jeżalta l-miżerja, niket jew ġuħ, iżda jrid jgħidilna li min jintrabat iżżejjed ma’
dak li hu tad-dinja ma jistax jorbat qalbu miegħU. Il-fqir u dak li hu bil-ġuħ huwa dak li juża l-
ġid tad-dinja għall-ġid tiegħu u tal-oħrajn iżda fuq kollox qalbu marbuta ma’ Alla u mimlija
mħabba lejn għajru. Dak li għad li jibki huwa hieni huwa dak li jwarrab id-dinja tat-tbaħrid u tal-pjaċiri biex jagħżel dak li jrid il-Mulej minnu anke jekk forsi l-oħrajn ma jifhmuhx. Hija din il-
ħajja li twassal għall-ferħ ta’ Kristu rxoxt kif jgħidlna San Pawl fit-tieni qari, ferħ jew aħjar paċi
tal-qalb li tibda minn din il-ħajja iżda tilħaq il-milja tiegħha fil-ħajja ta’ dejjem.
Mulej agħtina l-kuraġġ biex inwarrbu l-ferħ egoistiku li toffri d-dinja u nfittxu biss l-paċi
tal-imħabba vera li tiġi biss minn għandek. Ammen.