
Naħseb li l-ewwel reazzjoni tagħna x’ħin nisimgħu l-Evanġelju tal-lum tkun; ‘kif jistà jkun, kif tistà mhux biss taħfer lill-għedewwa iżda tħobbhom kif qiegħed jitlob minna Ġesù.’
L-ewwel qari tal-lum qed jirrakkontalna parti mill-ġrajja ta’ David u Sawl; Sawl kien jgħir ħafna għal David għaliex il-Mulej kien ma’ David. Dan kollu beda meta David qatel lill-ġgant Ġulija; il-profeta Samwel kien diġa qallu lill-Sawl li Alla kien warrbu, u għalhekk l-għira ta’ Sawl kienet dejjem tiżdied. Sawl mhux l-ewwel darba li pporva joqtol lil David u David kellu jaħrab minn Sawl flimkien ma’ ħbiebu. Fil-grajja tal-ewwel qari tal-lum Sawl flimkien mas-suldati tiegħu kien qed ifittex lil David u dawk li kienu miegħu biex joqtolhom. Kif smajna David ġietu okkażjoni tajba biex joqtol lil Sawl li ried joqtol lilu, però “La toqtlux! Għax min qatt medd idu fuq il-midluk tal-Mulej, u ħelisha?” qal David lil sieħbu.
Fis-Salm tal-lum smajna, ‘Ħanin u twajjeb il-Mulej, idum ma jagħdab u kollu mogħdrija. Ma mexiex magħna skont ma ħaqqhom ħtijietna; ma ħallasniex skont ma ħaqqha ħżunitna.’ Jekk nistennew li Alla jaħfer lilna kif nistgħu aħna ma naħfrux lil xulxin? U fl-Evanġelju Ġesù jgħidilna, ‘Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid,... u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom’. Jekk noqgħodu nirraġunaw jekk il-persuna li weġġegħtna ħaqqiex min jaħfrilha jew le, ma naslu qatt li naħfru. Ir-raġuni għaliex naħfru trid tkun waħda biss, għax Alla ħafrilna u nixtiequh jaħfrilna.
Naħseb li l-imħabba tal-għedewwa li jitlob minna Ġesù hija l-aktar ħaġa diffiċli fost dak kollu li jitlob minna Alla. Ġesù mhux qed jgħidilna sempliċement tpattux, iżda qed jgħidilna ħobbu lill-għedewwa tagħkom. Umanament din tidher impossibli, iżda għalina li nemmnu dak li jidher umanament impossibli nafu li hu possibli għal Alla. Il-maħfra li jitlob minna Ġesù hija grazzja li hu biss jista’ u jrid jagħtihielna jekk nixtiquha u nitolbuhielu bil-qalb. Għalhekk importanti li nirriflettu li meta nixtiequ naħfru u nitolbu l-grazzja tal-maħfra, l-ewwel u l-aqwa rigal inkunu nagħtuh lilna nfusna, għax inkunu neħilsu lil qalbna mill-mibegħda u l-vendetta li jagħmlu ħafna aktar ħsara li minn iżommhom milli lil min ikun vittma tagħhom. Qalb u moħħ il-bniedem li jżommu fihom sentimenti u ħsibijiet ta’ tpattija ikunu fl-istess ħin qegħdin ikeċċu ’l barra lil Alla li jaf biss jagħder, jaħfer u jħobb.
Nistaqsu lilna nfusna: Min hija dik il-persuna jew dawk il-persuni li jien għadni ma ħfirtilhomx jew agħar, ma rridx naħfrilhom? Nammetti lili nnifsi li jien ġejt imweġġgħa u li fl-istess ħin weġgħa ma titranġax billi jien inweġġgħa lura lil min weġġagħni? Nitlob għal dawk li weġġgħuni kif għamel Ġesù u nitlob ukoll biex jagħtini grazzja naħfer?
Nitolbuk Ġesù biex tgħinna nifhmu li l-maħfra toffri ħelsien mhux biss lil min offendiena iżda fuq kollox toffri ħelsien lilna; għinna ħalli nitolbu għal min għamlilna d-deni u nixtiequ ġenwinament li naħfrulu biex il-qawwa tal-grazzja tiegħek tkun tista’ twettaq fina dak li jidher impossibli. Ammen.