top of page

Is-Sitt Ħadd tal-Għid - Sena B

Writer's picture: Għasri ParishGħasri Parish


Waħda mill-aktar attitudnijiet ta’ żmienna li żgur li qed tagħmlilna ħsara hija l-mod kif nirrelataw ma’ xulxin: il-bniedem tal-lum ħafna drabi mhux kuntent li jkun bħal ħaddieħor, iżda jrid u jippretendi li hu aħjar, irid ikun ’l fuq mill-oħrajn, u x’ħin nirrelataw ma’ xulxin qisu nidħlu bħal f’taqbida bejn min ser jitla ’l fuq l-aktar, anke jekk dan ifisser li ngħaffeġ fuq l-oħrajn. Kemm hija xi ħaġa negattiva li tagħmel ħsara mhux biss lir-relazzjonijiet tagħna, iżda wkoll lilna nfusna, għaliex il-bniedem li jħossu ’l fuq minn ħaddieħor ma jistax iħobb. Is-sens ta’ superjorità huwa l-għadu tar-ruħ u tal-imħabba, għax min jrid jiddandan fuq l-oħrajn biex iħossu tajjeb, tilef id-dinjità tiegħu ta’ bniedem.


Fl-ewwel qari tal-lum smajna: ‘Xħin daħal Pietru fid-dar ta’ Kornelju, dan mar jilqgħu u ntefa’ f’riġlejh jagħtih qima. Imma Pietru qajmu u qallu: “Qum. Jien bniedem ukoll”.’ X’tagħlima għalina minn Pietru! Huwa jgħallimna wieħed mill-aktar messaġġi importanti u bażiċi li twasslilna l-Kelma t’Alla, jiġifieri li aħna lkoll ulied il-Missier wieħed tagħna tas-sema, u allura aħna lkoll aħwa, ħadd ma hu aħjar minn ħadd u l-anqas agħar minn ħadd; aħna differenti iva, u kull wieħed minna għandu l-kapaċitajiet tiegħu, għalhekk hija sabiħa l-ħajja, għax aħna qawsalla ta’ kuluri. Kemm tkun isbaħ il-ħajja kieku aħna naċċettaw u nemmnu din il-verità, kemm tkun sabiħa l-ħajja kieku aħna lkoll nħobbu lil xulxin bħal aħwa!


L-istess poplu Lhudi, il-poplu l-magħżul ta’ Alla, kellhom problema biex fehemu xi jfisser dan. Alla ma kienx għażilhom biex iħossuhom fuq popli oħra, jew għax huma aktar speċjali mill-oħrajn, iżda għażilhom biex iservu. Kull meta Alla jagħżel lil xi ħadd dan ma jagħmlux għax dan ikun aħjar jew aktar speċjali minn oħrajn, iżda jagħżlu biex Hu jinqeda bih ħalli juri mħabbtu. Infatti fl-ewwel qari tal-lum, il-Knisja tal-bidu fehmet li Alla jrid isalva lil kulħadd u mhux lil-Lhud biss. Alla infatti kien għażilhom biex permezz tagħhom is-salvazzjoni tiegħU tasal għand il-bnedmin kollha. Pietru jurina li anke min hu f’pożizzjoni ta’ awtorità dan għandu jeħodha minn idejn Alla bħala ministeru ta’ qadi u mhux għax hu aktar speċjali minn ħaddieħor.


Kemm hija sabiħa l-istedina li jagħmlilna San Ġwann fit-tieni qari tal-lum: ‘Għeżież, ejjew inħobbu ’l xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla, u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla. Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba.’ Dan huwa s-sigriet tal-veru ferħ jew aħjar tal-paċi tal-qalb, din hija l-akbar sfida li għandu kull bniedem fil-ħajja, jiġifieri mhux biss li jħobb iżda li jħobb dejjem aktar. Min jaħseb li jħobb biżżejjed għadu ma fehem xejn għaliex l-imħabba hija vjaġġ li jeħodna lejn Alla nnifsu, vjaġġ li ma jintemm qatt.

Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jagħtina pass pass it-triq li twassal biex wieħed jifhem u jkompli jikber f’dan: ‘“Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi.’ L-aktar ħaġa importanti qed jgħidilna l-Mulej hija li nemmnu u nagħmlu esperjenza personali ta’ kemm Alla jħobbna: min ma jħossux maħbub ma jistax iħobb, u ħadd ma jista’ jħobbna daqs Alla. Għalhekk il-ġenituri li jħobbu verament lil uliedhom ifittxu li jlaqqgħuhom ma’ Alla Mħabba, għaliex jafu, li jħobbu kemm iħobbu lil uliedhom, l-imħabba tagħhom tibqa umana u allura limitata, u għalhekk jfittxu li jlaqqgħuhom ma’ dik l-imħabba li ma tintemm qatt.


Ġesù jkompli jgħidilna: ‘Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed fi mħabbtu.’ L-imħabba wkoll għandha r-reġoli tagħha: min jaħseb li jħobb iżda jrid jagħmel li jrid u jaqbillu, sejjer żball ħafna, għaliex min iħobb jeħtieġlu li jpoġġi l-imħabba qabel l-interessi egoistiċi tiegħu, jeħtieġlu jitħarreġ fil-kapaċità li jgħid ‘le’ lilu nnifsu meta l-interessi tiegħu jmorru kontra l-imħabba lejn Alla u l-oħrajn. Huwa dan is-sigriet tal-imħabba vera rrivelat lilna minn Ġesù; ‘Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.’


Ġesù jagħtina wkoll l-qies biex nagħrfu jekk aħniex inħobbu tabilħaqq jew qegħdin taparsi nħobbu għax dan qed nagħmluh skont il-miżura tad-dinja: ‘Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.’ Mela min iħobb verament l-ideal tiegħu huwa li jħobb kif ħabbna l-Mulej. Dan hu l-misteru l-kbir tal-ħajja jiġifieri li aħna fil-ħajja rridu nfittxu li ningħataw bħalu; dan ma jfissirx li bil-fors irridu mmutu għal ħaddieħor, iżda jfisser li nkunu kapaċi npoġġu l-ħtiġijiet ta’ ħaddieħor qabel l-interessi tagħna. Il-bniedem li ma jagħżilx dan bħala l-ideal waħdieni tiegħu jispiċċa biex jitlef is-sens tal-ħajja, anke jekk jidher li jgawdi ħafna f’din id-dinja. Nistaqsu lilna nfusna: Jien nemmen tabilħaqq li Alla jħobbni? Kemm nħoss li l-oħrajn huma ħuti, u li jien la jien aħjar u anqas agħar minnhom? Kemm qed infittex li nkompli nikber fl-imħabba għax nemmen li dan huwa vjaġġ li ma jintemm qatt?


Nitolbuk Mulej iftħilna qalbna għall-imħabba tiegħek, u għenna ħalli qatt ma niddubitaw li inti tħobbna. Għinna wkoll ħalli nifhmu li li nħobbu lil xulxin hija l-isbaħ ħaġa tal-ħajja, biex hekk anke f’dinja fejn l-imħabba tidher skarsa, inkunu aħna li nwasslu mħabbtek lil ħutna. Ammen.

bottom of page