top of page

It-13 Ħadd ta'Matul is-Sena B




Liema hija l-akbar mistoqsija li tħoss tippersisti fil-fond ta’ qalbek? Żgur li fil-fond ta’ qalbna għandna mistoqsijiet kbar. Waħda mill-akbar mistoqsijiet tal-ħajja bla dubbju hija dwar l-eżistenza tagħna stess; minn fejn ġejjin? X’sens fiha l-ħajja li qed ngħixu? Fejn sejrin? Wara l-mewt jispiċċa kollox?


L-ewwel qari tal-lum il-ktieb ta’ Għerf qalilna: ‘Il-mewt mhux Alla għamilha; u lanqas togħġbu l-qerda tal-ħajjin.’ Normali li nistaqsu, ‘allura mnejn ġiet il-mewt? It-tweġiba nsibuha fil-bidu tal-ktieb tal-Ġenesi: Alla ħalaq il-bniedem fuq xbieha tiegħu u għamlu mit-tajn tal-art, u mbagħad nefaħ fi mnifsejh nifs il-ħajja; dan ifisser li l-bniedem kien maħluq b’xi mod jixbaħ lill-ħlejjaq l-oħra għax huwa materjali, u b’mod ieħor jixbaħ lil Alla nnifsu għax fih hemm ir-ruħ li ma tmut qatt. Il-ġisem materjali, bħal kull ħaġa materjali, huwa naturali għalih li ma jibqax għal dejjem, allura il-bniedem, min-natura stess tiegħu, kellu b’xi mod jispiċċa: is-sens komun jgħidilna li l-ebda magna ma tibqa’ taħdem għal dejjem. Iżda Alla wara li ħalaq il-bniedem għamel il-ġnien tal-Eden biex fih poġġa lill-bniedem. Dan il-ġnien ifisser li l-bniedem, minħabba r-relazzjoni speċjali li kellu ma’ Alla, kien meħlus mill-mewt li kienet naturali għalih bħala kreatura materjali. Biex nifhmu dan inxebbħu ’l Alla ma’ dawl; il-bniedem kien maħluq biex jgħix fid-dawl li huwa Alla u hekk l-ebda dlam ma’ setgħa jersaq lejh. Kien b’deċiżjoni libera tal-bniedem li huwa għażel li jitbiegħed mid-Dawl u jmur lejn id-dlam. ‘Bl-għira tax-xitan daħlet il-mewt fid-dinja; u jafu xi tfisser dawk li huma tiegħu.’


Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù mhux biss jurina li għandu is-setgħa li jfejjaq iżda fuq kollox jurina li huwa Alla għaliex għandu s-setgħa saħansitra fuq il-mewt. Dan għalina għandu jfisser li għal min jemmen fiH, anke jekk jeħtieġlu jagħmel l-esperjenza tal-mewt bħala kreatura materjali, iżda bil-qawwa ta’ Ġesù għad jerġa’ jgħix, u dan anke bil-ġisem. F’din il-ħajja ġdida ma hemmx aktar mewt, tbatija, dnub u dak kollu ikraħ li naraw madwarna. Mela il-mistoqsijiet il-kbar tal-ħajja, insibu tweġiba għalihom biss jekk nemmnu f’Ġesù u fil-Kelma tiegħu.


San Pawl fit-tieni qari tal-lum jgħidilna kif in-nisrani għandu jaffronta din il-ħajja mtaqqla bit-tbatija u l-mewt: ‘Ħuti, bħalma intom għonja f’kollox, fil-fidi u fil-kelma, fl-għerf u fiż-żelu kollu, fl-imħabba li aħna rawwimna f’qalbkom, hekk għandkom tistagħnu f’din il-ħidma ta’ ħniena.’ Jekk it-tbatija u l-mewt mhux ser jisparixxu minn din il-ħajja għax nemmnu f’Ġesù, iżda bħala familja ta’ fidi aħna għandna ngħinu lil xulxin inġorru t-toqol tas-salib, u dan fuq kollox nagħmluh bl-imħabba u l-ħniena. Ġesù ma jrid lil ħadd ibati waħdu, u dan la għaliex wieħed jingħalaq fih innifsu u lanqas għaliex ma jsibx min iħobbu u jgħinu. Dan tant huwa imporanti li Hu fuq hekk għad jiġġudikana. Nistaqsu lilna nfusna: Jien kif naħsibha fuq il-ħajja u l-mewt? Kemm nemmen li dak li qalilna Ġesù għad li bil-moħħ tiegħi mhux dejjem nifhem jew nara l-evidenza ta’ dak li qalilna? Kemm inħoss li Alla jrid juri mħabbtu lejn l-oħrajn, u l-aktar lejn dawk li qed ibatu, permezz tiegħi?


Mulej illum l-ewwel u qabel kollox irridu ngħidulek grazzi tad-don tal-ħajja, u fuq kollox grazzi talli tajtna l-possibiltà li nesperjenzaw imħabbtek. Għenna Mulej ħalli ma nħallux l-esperjenzi iebsin tal-ħajja jċajprulna l-ideal sabiħ li lejħ aħna mexjin, u fuq kollox għenna ħalli ma’ naħħlu lil ħadd minn ħutna jbati mingħajr l-imħabba tagħna. Ammen.

bottom of page