Waħda mill-aktar affarijiet importanti li sseħħ ġol-moħħ tagħna u li ħafna drabi aħna l-anqas
inkunu konxji tagħha hija dik li nsejħulha l-intenzjoni. L-intenzjoni hija il-għaliex nagħmlu
dak li nagħmlu. Xi drabi nistgħu nkunu qed nagħmlu xi ħaġa tajba b’intenzjoni ħażina, jew
nagħmlu xi ħaġa ħażina mingħajr intenzjoni ħażina, forsi għax ma nkunux intbaħna li dak li
qed nagħmlu huwa ħażin.
Fl-ewwel qari tal-lum, il-poplu t’Alla fid-deżert ġerġer kontra Mosè u Alla: ‘... Ulied Iżrael
qalulhom: “Mhux li mitna b’id il-Mulej fl-art tal-Eġittu,... Ħriġtuna f’dan id-deżert biex
toqtlu bil-ġuħ din il-ġemgħa kollha!”.’ L-esperjenza fid-deżert ma kienet xejn faċli għall-
poplu t’Alla: kien sagrifiċċju kbir li kellu jgħaddi minnu biex jakkwista l-libertà tiegħu. l-
intenzjoni ta’ Alla li jagħtih il-libertà kien għadha ma saritx l-intenzjoni tiegħu u għalhekk
kien faċli għalih li ma kull intopp li jinqala jispiċċa jgerger. It-tgergir huwa mod kif naħarbu
mir-responsabiltà tagħna u nwaħħlu f’ħaddieħor: ħafna drabi ninsew li t-tgergir jagħmilna
skjavi tas-sitwazzjoni negattiva li nkunu qed nikkundannaw, għaliex meta tgerger tkun
qiegħed tgħid lilek innifsek, ‘jien ma nista’ nagħmel xejn quddiem din il-problema’, u
għalhekk tibqa’ fejn tkun. Il-poplu t’Alla nesa li Alla kien iħobbu, nesa kemm kien għamel
mirakli miegħu biex ħarġu mill-Eġittu, nesa li Alla huwa Missier ħanin li mhux ser jitilqu
waħdu, kif ħafna drabi ninsew aħna. U Alla mill-ġdid jerġa jitma lill-poplu tiegħu bil-ħobż
nieżel mis-sema bħalma missier u omm imantnu lil uliedhom.
Il-vanġelu tal-lum, li jkompli ma tal-Ħadd li għadda, Ġesù jibda jgħin lid-dixxipli tiegħu u
lin-nies biex jifhmu li għall-bniedem mhux biżżejjed li jkollu l-istonku mimli biex jgħix ta’
bniedem, mhux biżżejjed l-ikel u dak kollu li hu materjali biex jgħix ħajja bis-sens.
“...Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak
li Bin il-bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu”. Mhux
dawk li kienu jisimgħu lil Ġesù biss jagħmlu dan l-iżball, iżda ħafna drabi anke aħna kull
meta naħsbu, jew forsi anke mingħajr ma naħsbu, ngħixu daqs li kieku dak li huwa ta’ din id-
dinja biss huwa mportanti, u ninsew jew inwarrbu lil Alla.
Anke kultant aħna li nfittxu lil Ġesù billi nieħdu sehem fil-quddiesa kull nhar ta’ Ħadd jew
forsi anke fost il-ġimgħa, tajjeb li nistaqsu lilna nfusna, ‘jien għaliex immur il-quddiesa, lill-
Mulej għalfejn infittxu’? Il-poplu kien ukoll qed ifittex lil Ġesù, iżda mhux għax emmen fih,
iżda għaliex kienu kielu mingħajr tbatija: forsi aħna lil Mulej infittxuh għal dak li naħsbu li
nistgħu nieħdu minn għandu; forsi naħsbu li jagħtina xorti tajba, jeħlisna mit-tbatija u
jagħmel ħajjitna aktar faċli. Jekk naħsbu hekk inkun nagħmlu l-istess żball ta’ dan il-poplu,
jiġifieri inkunu għadna ma skoprejniex lil Ġesù, inkunu għadna ma fhimniex li it-teżor il-veru
ma huwiex xi ħaġa ta’ din id-dinja li l-Mulej jista’ jagħtina, iżda t-teżor il-veru huwa HU
stess; Ġesù huwa t-teżor li ma jeħodulna ħadd u li jagħti sens lil ħajjitna hawn fuq din l-art u
fuq kollox iseħibna fil-ħajja tiegħu ta’ Alla għal dejjem. ‘“Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min
jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx!”.’ Nistaqsu
lilna nfusna: jien nħoss il-ġuħ u l-għatx għal Alla f’ħajti? Kemm hu mportanti għalija Alla?
X’ħin nifli ħajti kemm ħin niddedika għar-relazzjoni tiegħi miegħu, u kemm ħin niddedika
għal dak li hu ta’ din id-dinja?
Nitolbuk Mulej tħalliniex nintilfu f’sakra wara dak li hu ta’ din l-art kif ħafna drabi
tħeġġiġna biex nagħmlu d-dinja ta’ żmienna. Għenna ħalli ninqdew b’dak li jgħaddi
għal ġid tagħna u tal-oħrajn, iżda norbtu qalbna biss ma dak li jibqa’ għal dejjem, dak
li int biss tagħtihulna. Ammen.