top of page

It-2 Ħadd ta'Matul is-Sena Ċ




Bdejna ż-żmien ta’ matul is-sena, jew iż-żmien ordinarju. Dan ma jfissirx li l-quddiesa hija anqas importanti minn dik taż-żminijiet speċjali tal-Avvent u l-Milied, ir-Randan u l-Għid. Il-Quddiesa tibqa’ dejjem l-aktar mument importanti fil-ħajja tagħna. Dan huwa ż-żmien li fih aħna msejjħa biex ngħixu dak li ċċelebrajna fiż-żmien speċjali li għadna kemm spiċċajna.



Dan il-Ħadd qiegħed jippreżentalna dak ‘li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija’ u li ‘kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu.’ Kemm tkun ħaġa sabiħa kieku l-familja tagħna, anzi ngħid kull dar tagħna, tagħmel kif għamlu l-għarajjes ta’ Kana, jiġifieri li stiednu għat-tieġ tagħhom lil Ġesù u lil Ommu Marija. Kemm ikun jiswielna ta’ ġid aktar minn kull ħaġa oħra kieku fiċ-ċentru tal-familja tagħna jkun hemm Huma; kemm insolvu l-problemi li jinbtu b’ħafna anqas tbatija u firda kieku fiċ-ċentru ta’ ħajjitna u ta’ qalbna jkun hemm dejjem dawn il-Mistiedna.



L-Evanġelista Ġwanni jgħidilna mal-ewwel li f’dan it-tieġ tfaċċat problema kbira, ma kienx fadal inbid. Dak iż-żmien l-inbid kien l-unika xarba li wieħed kien ikollu f’festi speċjali bħalma huwa xi tieġ; allura nistgħu nifhmu l-mistħija tal-għarajjes li forsi għax fqar, ma kellhomx inbid bl-abbundanza. Tkun Marija, li tintebaħ b’din il-problema u tirrikorri għand Ġesù, ‘Ma għandhomx inbid.’ L-inbid jista’ jfisser ħafna affarijiet, però l-aħjar li nxebbħuh huwa mal-imħabba. Mhux problema rari li fost koppji miżżewġa, iżda mhux biss, tonqos l-imħabba. L-imħabba hija dik l-kwalità li tagħti sens mhux biss lill-ħajja miżżewġa iżda lill-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Ħajja mingħajr imħabba vera, hija ħajja vojta u bla sens.



Forsi t-tweġiba ta’ Ġesù taħsadna, ‘X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx’. Meta Ġesù jitkellem mis-siegħa tiegħu, huwa jkun jirreferi għas-siegħa li fiha kellu jbati, imut u jqum mill-imwiet biex isalva d-dinja. Ġesù jaf li mill-mument li fih jibda juri li huwa l-Messija tibda toqrob is-siegħa tiegħu, u għalhekk qiegħed jgħid lil Ommu li mill-mument li fih jibda jagħmel il-mirakli, tibda wkoll toqrob is-siegħa tat-tbatija tiegħu. Iżda ommu, din il-mara mimlija mħabba, iddur fuq il-qaddejja u tgħid lilhom u lilna, “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”.



L-aktar li jissorprenduna f’dan ir-rakkont huma l-qaddejja; “Imlew il-ġarar bl-ilma”, qalilhom Ġesù, ‘U dawk imlewhom sax-xifer.’ Min jaf kemm konna ngergru li konna aħna u ngħidu li aħna nbid għandna bżonn u mhux ilma, iżda dawn il-qaddejja joqgħdu fuq dak li tgħidilhom Marija u hekk isiru xhieda ta’ dan l-ewwel wieħed fost is-sinjali ta’ Ġesù.



Mulej Ġesù agħti l-grazzja lil kull koppja, familja u lil kull wieħed u waħda minna li bħall-għarajjes ta’ Kana tkunu dejjem Int u Ommok il-mistednin speċjali tal-ħajja kollha tagħna, u għamel li jkollna l-fidi tal-qaddejja biex ikollna fiduċja sħiħa fik anke quddiem il-misteri l-aktar mudlama ta’ ħajjitna. Ammen

bottom of page