top of page

It-2 Ħadd tal-Avvent tas-Sena Ċ (Fl-2024 kienet il-Kunċizzjoni)

Writer: Fr. Edward VellaFr. Edward Vella

Il-Madonna bħala dik il-mara li kellha ġġor lil Alla nnifsu f'ġufha għal 9 xhur sħaħ ingħatat il-grazzja singulari li tinħeles mid-dnub oriġinali sa mill-ewwel mumenti ta' ħajjitha—it-tnissil tagħha. Alla ried li ommu tkun "mimlija bil-grazzja" u hekk kif il-Qaddis tal-Qaddisin tat-tempju f'Ġerusalemm kien jinżamm dejjem pur għax kien hemm il-preżenza ta' Alla fih, hekk ukoll Marija nżammet pura u ħielsa minn kull dnub għax hi ġarret lil Alla f'ġisimha.


Dan it-twemmin antik sar domma ta' fidi fit-8 ta' Diċembru 1854 mill-Papa Piju IX fl-enċiklika tiegħu Ineffabilis Deus.


Ħsieb:


Id-dnub għadu jeżisti? Skont ħafna jew ma għadux jeżisti jew ma jimpurtahomx jeżistix jew le. Ma hemmx sitwazzjoni agħar minn dik ta’ meta l-bniedem ikun marid u ma jridx jammetti li hu marid, u allura jiċħad il-kura. Agħar u agħar jekk dan il-mard ikun spiritwali, għaliex xi mard tal-ġisem infiqu minnu anke jekk ma nagħmlu xejn, iżda mhux l-istess ngħidu għall-mard tar-ruħ. Iva anke r-ruħ timrad, u l-mard tagħha għandu konsegwenzi ħafna aktar gravi minn dak tal-ġisem, għaliex filwaqt li l-mard tal-ġisem jista’ jwassal biss għall-mewt fiżika, il-mard tal-ispirtu, Alla ħares qatt, jista’ jwassal għal mewt ta’ dejjem, jiġifieri li wieħed jitlef ’l Alla għal dejjem. Quddiem ir-realtà tad-dnub jeħtieġ li nevitaw iż-żewġ estremi, jiġifieri li jew wieħed jgħid jew jgħix daqs li kieku d-dnub ma jeżistix jew l-estrem l-ieħor li wieħed jgħix imdejjaq u dipress minħabba l-ħażen tiegħu u tad-dinja: l-ebda waħda minn dawn ma hija t-triq ta’ Alla.



Illum qegħdin nagħmlu s-solennità ta’ Ommna Marija Mnissla mingħajr ħtija, jiġifieri li Ommna Marija mhux biss qatt ma kienet ħatja ta’ ebda dnub, iżda wkoll, bil-qawwa tal-grazzja ta’ Binha Ġesù, kienet meħlusa mid-dnub tan-nisel jew oriġinali. Kemm hu diffiċli għall-bniedem li jiċħad ir-realtà tad-dnub u l-ħażen biex jifhem is-sinifikat ta’ din il-festa! Għax jekk il-bniedem ma jifhimx l-ħsara li jagħmillu d-dnub, kif jista’ jifhem l-grazzja tal-ħelsien minnu? L-effett tad-dnub rari jidher bl-għajnejn tal-ġisem, b’daqshekk ma jfissirx li ma jeżistix; biżżejjed wieħed iħares lejn id-dinja ta’ madwarna bil-gwerrer, ġlied, vjolenza, serq, inġustizzji, faqar, eċċ... id-dnub huwa dak kollu li hu l-oppost ta’ Alla u l-imħabba. Għalhekk nistgħu ngħidu li l-Festa tal-lum tfisser li Ommna Marija kienet dejjem mimlija bl-imħabba ta’ Alla u ta’ għajrha, u qatt ma ntmesset mill-ħażen tad-dinja.


Il-qari tal-lum jagħtina l-bażi bibblika li fuqha nbniet id-domma tal-Immakulata Kunċiżżjoni. Fil-Ġenesi naraw li malli l-bniedem jidneb Alla jwiegħed ir-rebħa fuq ix-xitan u d-dnub: ‘Innissel mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u bejn nisilha. Hu jgħaffiġlek rasek u inti tgħattanlu għarqubu”. Il-kelma ‘mibegħda’ tfisser distanza nfinita: mela bejn il-mara u nisilha li hu Ġesù u s-serp/xitan u nislu/d-dnub, ma jkun hemm ebda kuntatt. Nisel il-mara li hu Ġesù jisħaq ras is-serp, jiġifieri s-serp issa ma jistax jagħmel aktar ħsara. Anke jekk nirriflettu fuq il-Kelma tal-Anġlu Ġabriel lil Marija, “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”: kif setgħa l-anġlu jsellem bħala l-mimlija bil-grazzja lil Marija kieku din kienet xi darba maħkuma mill-qawwa tal-ħażen?


San Pawl, fit-tieni qari tal-lum, jgħidilna: ‘Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu,... hu għażilna fih,... biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba; iddestinana li nkunu għalih ulied addottivi permezz ta’ Ġesù Kristu,’. Dan kollu jfisser li dak li Alla għamel ma’ Marija l-omm ta’ Ibnu u tagħna, sa mit-tnissil tagħha, hu qiegħed joffrih lilna permezz ta’ Ibnu l-għażiż. Hekk fil-Magħmudija aħna ninħelsu mid-dnub tan-nisel, fil-qrar ninħelsu minn dnubietna, u fuq kollox bl-Ewkaristija hu jgħammar fina hekk kif għammar f’ommu Marija, mhux biss f’ġufha, iżda fuq kollox f’moħħha u fl-qalbha. Nistaqsu lilna nfusna: jien kemm nemmen li d-dnub huwa l-akbar għadu tiegħi? Kemm inħoss li Ġesù, u Ġesù biss, jista’ jeħlisni minn dan l-akbar għadu? Kemm nitlob u nfittex li nsir nixbaħ lill-Omm tiegħi tas-sema, konxju li ma nistax inkun nisrani veru jekk ma nsirx nixbaħ lilha?


Nitolbuk Mulej tgħinna nifhmu kemm għandna bżonn dan iż-żmien qaddis tal-Avvent, biex hekk nintebħu dejjem aktar kemm għandna bżonnok. Għinna ħalli din il-mixja qaddisa nagħmluha flimkien ma’ Ommok Marija, hija li għamlet l-ewwel Avvent ta’ stennija għal-miġja tiegħek. Ammen.

bottom of page