top of page

It-2 Ħadd tar-Randan – Sena Ċ



L-ewwel qari tal-lum żgur li jħallina xi ftit mistagħġba: għaliex wara li Alla għamel patt ma’ Abram u wegħdu nisel kbir, u art, huwa qallu jagħmel dak il-ġest stramb li jaqsam dawk l-annimali? Dan huwa l-mod kif kien isir patt/ftehim/kuntratt f’dak iż-żmien, jiġifieri li tnejn li kienu jagħmlu xi ftehim kienu jaqsmu xi annimali min-nofs, ipoġġu ż-żewġ partijiet xi ftit distanti minn xulxin, u huma joqgħdu faċċata ta’ xulxin ftit il-bogħod, bil-biċċiet tal-annimali fuq il-lemin u fuq ix-xellug tagħhom, u filwaqt li jersqu lejn xulxin ilissnu l-ftehim jew patt. Dan ifisser li min jikser il-patt jiġrilu bħal dawn l-annimali. F’dan il-każ iżda hemm xi ħaġa straordinarju; fil-waqt li fuq naħa hemm Abram fuq l-oħra hemm Alla. Dan huwa l-bidu tal-vjaġġ ta’ mħabba li Alla beda jagħmel mal-bniedem; Huwa jibda bil-mod jersaq lejna biex jurina Hu min Hu u allura wkoll min aħna aħna.



Alla kien sejjeħ lil Abram, u talbu biex jitlaq minn pajjiżu u jmur f’art li ma jafhiex: huwa wegħdu li kien ser ikollu nisel kbir daqs ir-ramel ta’ xatt il-baħar u daqs il-kwiekeb tas-sema: iżda għad li kien għadda ħafna żmien minn din il-wegħda, Abram kien għadu bla tfal. Alla jieħu l-iniżjattiva biex ikellmu u jagħmel dan il-patt miegħu. Hija ħaġa tal-għaġeb l-Fidi ta’ Abram: ‘U Abram emmen fil-Mulej, u dan għaddhulu b’ġustizzja.’ Il-Fidi ta’ Abram wasslitu li jkollu fiduċja għamja f’Alla. Għalhekk Abram isir missierna lkoll fil-Fidi, għaliex il-Fidi tiegħu kienet tfisser realazzjoni ta’ fiduċja u mħabba kbira lejn Alla



Alla jagħżel lil Abram biex permezz tiegħu jagħti bidu għall-poplu l-magħżul, dak il-poplu li Hu jħejji biex jilqa’ lil Ibnu bħala bniedem. Fil-persuna ta’ Ġesù Alla tana lil Ibnu stess. Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù qiegħed juri l-ġlorja tiegħu ta’ Alla lit-tliet appostli l-aktar qrib tiegħu. Dan qiegħed jagħmlu biex l-ewwelnet jurihom li huwa l-milja tal-Kelma rivelata/Bibbja kollha u li din mingħajru wieħed ma jistax jifhimha; infatti Mose li jirrappreżenta l-liġi, u Elija li jirrappreżenta l-profezija, flimkien jirrappreżentaw il-Bibbja tal-Lhud. It-tieni, Ġesù ried iħejji lill-appostli għall-mument tal-passjoni u l-mewt tiegħu biex huma ma jitfixklux x’ħin jaraw l-għajb tas-salib. B’Ġesù fin-nofs, u Mosè u Elija wieħed fuq kull naħa jitkellmu fuq il-passjoni tiegħu jrid juri lill-Appostli, u lilna, li l-mewt tiegħu ma kienetx xi xorti ħażina, iżda kien il-pjan kollu mħabba tal-Missier li Ibnu Ġesù jerfa fuqu d-dnub u t-tbatija tal-bnedmin kollha.



Din id-dehra ssir waqt li Ġesù jkun jitlob; dan ghandu jfisser għalina li ma nistgħux nagħmlu esperjenza awtentika ta’ Alla jekk ma nsirux bnedmin ta’ talb. In-ngħas li ħass Abram u anke l-appostli jurina li l-ispirtu l-ħażin jagħmel ħiltu kollha biex ifixkilna milli niltaqgħu ma’ Alla bis-serjetà. Fuq kollox dan il-Vanġelu qiegħed jistedinna biex nilqgħu l-Kelma tal-Missier, ‘Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu’. Kemm hu mportanti li nistaqsu lilna nfusna; jien minn min nisma’ (to listen u mhux to hear) f’ħajti, dak li jgħid xi ħadd hu min hu, dak li jgħidli moħħi jew dak li jgħidli Ġesù?



Mulej Ġesù kemm drabi matul ħajjitna konna ngrati billi ma tajniex każ ta’ dak li int għamilt għalina, iżda tajna biss każ ta’ dak li hu tad-dinja. Minn qalbna llum nixtiequ nitolbuk maħfra u nitolbuk tagħtina l-grazzja li nħobbuk l-ewwel u qabel kollox u li nkunu strument f’idejk biex imħabbtek tasal għand l-oħrajn permezz tagħna. Ammen.

bottom of page