top of page

It-22 Ħadd ta'Matul is-Sena B


X’inhi d-differenza bejn Reliġjon u Fidi? Ir-Reliġjon hija xi ħaġa li nagħmluha aħna, suppost għal Alla; bosta drabi jekk tinżel fil-fond ta’ dik li nsejħulha reliġjon ma jkunx hemm Alla fiċ-ċentru tagħha, iżda jkun hemm l-interessi u l-‘image’ tagħna. Minn naħa l-oħra l-Fidi hija rigal li jagħtihulna Alla; il-Fidi hija l-possibiltà li jagħtina Alla li nidħlu f’relazzjoni filjali miegħu (relazzjoni ta’ wlied) permezz ta’ Ġesù, u dan Ġesù jagħmlu possibli għalina llum permezz tal-Knisja tiegħu. Fi kliem sempliċi r-reliġjon hija xi ħaġa tagħna, u l-Fidi hija rigal ta’ Alla. Għalhekk irridu noqgħdu ħafna attenti għal dawk li huma d-drawwiet u t-tradizzjonijiet tagħna, anke fejn tidħol ir-reliġjon, għaliex reliġjon mingħajr Ġesù ġġib firda u ġlied, u ħafna drabi tkun espressjoni tal-egoiżmu tagħna. Hija biss l-Fidi li tagħti valur lir-Reliġjon u jekk ir-Reliġjon tkun verament espressjoni ta’ Fidi awtentika kif suppost tkun, issir waħda mill-isbaħ affarijiet li jagħmel il-bniedem fid-dinja.


Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù qed ikellemna dwar dan: importanti li ngħidu li Ġesù mhux qiegħed jitkellem mill-iġene; li wieħed jaħsel idejh qabel jiekol hija xi ħaġa importanti u li għandna nagħmluha. Il-Fariżej u l-Kittieba ikkritikaw lill-Appostli ma’ Ġesù mhux minħabba iġene, iżda dwar tradizzjoni reliġjuża li kellhom huma: dawn kienu jemmnu li jekk tmur f’post fejn hemm ħafna nies, ser tiltaqa’ ma’ ħafna midinbin, u jekk ma taħsilx idejk qabel tiekol inti tkun qiegħed tikkontamina ruħek bid-dnub tagħhom. Ninnutaw kemm drawwiet reliġjużi mingħajr Ġesù jwasslu lill-bniedem biex jitbiegħed minn għajru, u mhux joqrob lejh u jħobbu kif irid il-Mulej. Ġesù jkun iebes magħhom u jikkwota lill-profeta Isaija u jgħidilhom: ‘‘Dan il-poplu, bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin’ Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin”. Kemm hu importanti li nirriflettu dwar dawn il-kelmiet ġejjin mis-sema! Kemm hu facli anke fi żmienna nagħmlu l-istess żball u nużaw ideat u drawwiet tagħna biex nikkundannaw u nweġġgħu lil xulxin meta l-Mulej jridna nħobbu u nirrispettaw lil xulxin u lil kulħadd, anke meta ma naqblux.


Fl-ewwel qari tal-lum, Mosè jwissi l-poplu u jgħidlu: ‘U issa, Iżrael, agħti widen għal-liġijiet u l-ordnijiet li qiegħed ngħallimkom tagħmlu, ħalli tgħixu... La żżidu xejn ma’ dak li qiegħed nordnalkom u lanqas tnaqqsu minnu...Ħarsuhom u agħmluhom, għax hekk tidhru għorrief u għaqlin’ Il-liġijiet u l-ordinjiet tal-Mulej jagħtu l-ħajja u jwasslu lill-bniedem biex iħobb u jirrispetta lil għajru: minnaħa l-oħra, ħafna drabi meta aħna ninqdew bl-affarijiet ta’ Alla biex nxerrdu u nimponu l-ideat tagħna, aħna nġibu biss nuqqas ta’ mħabba u firda. Għalhekk kemm huwa importanti li f’dak li nagħmlu, l-aktar fejn tidħol ir-reliġjon tagħna, inkunu ħafna attenti jekk dan jaqbilx ma’ dak li jrid u jgħallem il-Mulej, jew jekk huwiex dak li nkunu rridu u nimponu aħna. Ħafna drabi l-probema tal-fanatiżmu tkun effett ta’ dak li nkunu rridu nimponu aħna fuq l-oħrajn u ma jkollha xejn x’taqsam ma’ Alla u l-liġi tiegħu. Nistaqsu lilna nfusna: jien x’qed ngħix Fidi jew Reliġjon? Dak li nagħmel u nitkellem dwaru nħoss li huwa rigal ta’ Alla mingħajr meru tiegħi, jew nħoss li hija xi ħaġa tiegħi li rrid ninponiha fuq ħaddieħor? Kemm nħoss li r-reliġjon fil-qalba tagħha jrid ikun hemm il-Fidi vera f’Alla ta’ Ġesù Kristu?


Nitolbuk Mulej agħtina l-Ispirtu tal-Għerf biex hekk fil-ħajja tagħna npoġġu l-ewwel u qabel kollox dak li ġej minn għandek u li tagħtina int, u biex nuru rispett u mħabba lejn kulħadd anke fejn tidħol il-Fidi u r-Reliġjon tagħna. Ammen.

コメント


bottom of page