Nota: Għalkemm illum huwa t-23 Ħadd Matul is-Sena B, peress li huwa t-8ta' Settembru jsir il-Qari tal-Festa tat-Twelid ta'Sidtna Marija.
Ħsieb mill-Qari tas-Solennità tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija:
Meta xi ħadd jagħlaq sninu hija xi ħaġa sabiħa ħafna li biex nuruh imħabba u apprezzament nagħtuh xi rigal. Rigal huwa wieħed mill-modi li bih aħna nesprimu l-imħabba tagħna lejn xulxin, u hekk dik l-imħabba li ma tidhirx tesprimi ruħa f’xi ħaġa li tidher. Illum qegħdin niċċelebraw it-twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija, Omm il-Mulej u Ommna. F’din l-okkażjoni r-rigal mhux nagħtuhula aħna lil Ommna Marija, iżda l-ewwel u qabel kollox tagħtihulna hi. Marija hija għajn ta’ doni u grazzi fuq id-dinja kollha, u b’mod partikulari fuqna l-Maltin u l-Għawdxin. Kien propju it-8 ta’ Settembru li ġab fi tmiemhom żewġ Assedji kbar ta’ Malta, jiġifieri l-Assedju l-Kbir tal-1565 u dak tat-Tieni Gwerra dinjija fl-1943. Kemm għandna għax inkunu rikonoxxenti lejn Alla u l-Madonna li ħadu ħsiebna, lilna daqsxejn ta’ gzira f’nofs ta’ baħar, f’mumenti tant delikati tal-istorja tagħna.
Jekk niflu l-qari tal-lum nistgħu nieħdu minnu xi tagħlimiet tassew sbieħ: l-Ewwel Qari qalilna, ‘Dan jgħid il-Mulej: Int, Betlehem Efrata, ċkejkna biex tkun fost il-familji ta’ Ġuda, minnek għad joħroġli dak li jkun ħakem f’Israel; hu għandu l-bidu tiegħu mill-qedem, sa minn dejjem.’ Il-Mulej jagħżel lil min hu żgħir biex iħawwad lil min jaħseb li hu xi ħaġa, u dan ma deherx biss f’Marija, iżda wkoll f’Malta tagħna għaliex fiż-żewġ assedji l-Mulej għażel lilna, pajjiż żgħir, biex iħawwad lil min ried jiddomina u jgħaffeġ liż-żgħir. Iżda tgħid aħna ma aħniex kuntenti li nkunu fost iż-żgħar? Tgħid fi żmienna mradna bit-tentazzjoni tal-kburija u nixtiequ nkunu kbar biex, mingħalina, nsiru xi ħaġa li qatt ma nistgħu nkunu? Illum jeħtiġilna ħafna nirriflettu jekk aħna bħala poplu, u anke bħala ndividwi, aħniex kuntenti li nkunu żgħar kif aħna, jew jekk ddakkarniex mill-marda tad-dinji u dħalna f’kompetizzjoni biex mingħalina nsiru xi ħaġa, u nlaħħqu mal-kbar. Ma ninsewx li Alla dejjem qiegħed fuq in-naħa taż-żgħir.
San Pawl fit-tieni qari tal-lum qalilna: ‘Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejjħin skont il-provvidenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom.’ Żgur li din hija waħda mill-isbaħ sentenzi tal-Bibbja: kif jgħidu bl-ingliż din is-sentenza hija ‘empowering’; dan ifisser li min jifhimha u jgħixha din il-Kelma ta’ Alla tagħtih il-qawwa biex jaffronta kull ċirkustanza tal-ħajja b’kuraġġ għax fiduċjuż li Alla kapaċi joħroġ il-ġid għalih, u għal oħrajn permezz tiegħu, minn kull esperjenza tal-ħajja, anke dawk l-esperjenzi li f’għajnejna jidhru negattivi. Alla, ma dawk li jħobbuh, u allura jħalluh jaħdem fihom, f’kollox jaħdem id f’id magħhom għall-ġid tagħhom. Kemm jeħtieġ li nemmnuha din, kemm narawha fil-ħajja ta’ Marija li Alla permezz tagħha għamel ħwejjeġ kbar mad-dinja kollha.
Dan kollu narawh ukoll fl-evanġelju tal-lum: f’dik il-lista ta’ ismijiet li huma l-antenati ta’ Ġesù hemm minn kull tip ta’ bnedmin, tajbin u m’humiex, qaddisin u midinbin, għaliex Alla jrid jaħdem fil-ħajja ta’ kull bniedem, hu min hu; f’għajnejn Alla anke l-akbar midneb għandu ċans jibdel ħajtu u jsir strument f’idejH biex jagħmel permezz tiegħu ħwejjeġ kbar. Il-Vanġelu jsemmilna lil Ġużeppi, r-raġel ġust u sempliċi, ta’ bla importanza f’għajnejn id-dinja, iżda li Alla għażlu għat-tieni l-akbar missjoni li qatt ingħatat minnU, wara dik ta’ Marija martu. Il-kobor ta’ Ġużeppi ma jidhirx għax hu famuż, iżda għax dejjem fittex li jwettaq ir-rieda tal-Mulej f’ħajtu. Nistaqsu lilna nfusna: Alla intervjena fl-istorja tagħna biex ħelisna f’mumenti diffiċli ħafna, jien kemm nemmen li Alla jintervjeni fl-istorja tiegħi ukoll jekk jien niftaħlu qalbi u nħallih jaħdem fija u permezz tiegħi? Nemmen li Alla kapaċi jurini mħabbtu anke permezz taċ-ċirkustanzi diffiċli ta’ ħajti? Għalija x’inhu l-aktar importanti l-fama, kif jarawni n-nies jew kemm nagħmel ir-rieda t’Alla f’ħajti?
Nitolbuk Mulej illum bierek b’barka speċjali lil din l-art ċkejkna tagħna, u għenna nifhmu li anke ċ-ċokon fih il-kobor tiegħu, mhux kobor skont il-miżura ta’ din id-dinja, iżda l-kobor f’għajnejk, int li tagħżel iż-żgħar biex tħawwad lill-kburin, hekk kif għażilt lil Marija biex tkun żernieq ġdid ta’ tama għad-dinja kollha. Ammen.