![](https://static.wixstatic.com/media/fc422f_226a06c8f2d746e691a61558b3072097~mv2.jpg/v1/fill/w_843,h_513,al_c,q_85,enc_auto/fc422f_226a06c8f2d746e691a61558b3072097~mv2.jpg)
Ieqaf u aħseb ftit; liemi hi l-aktar ħaġa mportanti għalik fil-ħajja? Mhix mistoqsija li wieħed
faċli jweġibha għaliex aħna l-bnedmin kapaċi ħafna nidħqu bina nfusna, ngħidu mod u jkun
ieħor, nagħtu tweġiba faċli, iżda fil-fatt il-verità tkun differenti ħafna. Faċli ngħidu li Alla hu
l-aktar important f’ħajjitna, iżda fil-verità hu verament hekk? Fl-ewwel qari ta’ dan il-Ħadd,
il-kittieb tal-ktieb tal-Għerf, ispirat minn Alla, jgħid li huwa talab u bħala l-aqwa rigal Alla
tah l-għerf. Huwa għażel dan ’il fuq minn kull ħaġa ta’ din id-dinja, ‘id-deheb kollu ħdejh
mhuwiex ħlief ftit ramel’. Dan l-għerf m’huwiex l-intelliġenza jew l-għarfien miksub mill-
kotba, dan l-għerf jispjegahulna s-salm tal-lum; ‘Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex
aħna nimxu bil-għaqal’.
L-għerf li jitkellem minnu is-salm huwa li wieħed jagħraf li dak li hu ta’ din id-dinja,
important kemm hu mportanti, ftit idum, u allura ħdejn dak li jibqa’ għal dejjem ftit li xejn
jiswa’. Għalhekk Mulej għallimna nagħrfu din il-ħaġa biex ma nintrabtux iżżejjed ma’ dak li
jeħtiġilna ninfirdu minnu u biex norbtu qalbna biss ma dak li jibqa’ għal dejjem.
Iż-żgħażugħ għani fl-Evanġelju, kien raġel li qed jgħix il-kmandamenti. Ġesù jagħmillu sejħa
speċjali biex jimxi warah, iżda hu, minħabba r-rabta li kellu ma’ dak li kien jippossjedi
jirrifjuta u jitlaq imdejjaq. Forsi xi ħadd jgħid mhux diġa kien josserva l-kmandamenti? Hekk
hu aħna lkoll msejħa biex nosservaw il-kmandamenti, iżda Ġesù jitlobna li ma nieqfux
hemm. Mhux biżżejjed li ma nagħmilx ħsara lill-proxxmu tiegħi, jeħtieġ fuq kollox inħobb.
Alla lilna jsejħilna biex insiru dejjem aktar nixbħu lil Ibnu Ġesù; din hija mixja li tieħu l-ħajja
tagħna kollha. Min jieqaf miexi l-quddiem, min jieqaf jikber fl-imħabba, qalbu tingħalaq u
tinxef.
L-evanġelju tal-lum qed jagħmlilna l-isfida li ma nintrabtux ma dak li hu ta’ din l-art, iżda
npoġġu lil Ġesù l-ewwel u qabel kollox f’ħajjitna. Dan ma jfissirx li aħna kollha msejħa li
nbiegħu kulma għandna u mmorru nxandru l-Evanġelju; din hi sejħa speċjali li l-Mulej
jagħmel lil xi wħud. Iżda kollha kemm aħna msejjħin biex inħobbu. Min jorbot qalbu ma dak
li hu ta’ din l-art, jiġifieri flus jew dak li nakkwistaw bihom, pjaċiri u poter, ma jistax iħobb.
L-għażla hi f’idejna jew nintrabtu mal-but jew mal-Mulej. L-ittra lil-Lhud, fit-tieni qari tal-
lum tgħidilna ‘il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt
ixfar’. Din hi l-aqwa għodda biex aħna nirbħu t-tentazzjoni li nintrabtu mad-dinja u biex
norbtu qalbna biss mal-Mulej u dak li hu tal-ħajja ta’ dejjem. Nistaqsu lilna nfusna: jien qalbi
ma xiex hi marbuta, x’hini l-aktar ħaġa importanti f’ħajti? Kemm inżomm quddiem għajnejja
li għad irrid nagħti kont ta’ ħajti lil Alla? ‘Xejn ma hemm fil-ħolqien li hu moħbi għalih,
imma kollox hu miftuħ għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont.’
Mulej agħtina l-grazzja li nkunu għaqlin u ma nintrabtux ma’ dak li llum jew għada
rridu jew ma rridux jeħtiġilna ninfirdu minnu, iżda nintrabtu biss miegħek biex hekk
qalbna ġġarrab dik il-paċi li min iħobb bħalek biss jista’ jħoss. Ammen.