top of page

It-3 Ħadd ta'Matul is-Sena Ċ



Mhux l-ewwel darba li meta nieħdu sehem fil-quddiesa niltaqgħu ma’ qari li jkun ftit jew wisq diffiċli biex wieħed jifhmu. Il-Liturġija tal-Kelma jew il-qari mill-Bibbja hija waħda miż-żewġ partijiet l-aktar importanti fil-quddiesa. Il-Kelma t’Alla ma hijiex ktieb tal-istorja fejn naqraw x’għamel Alla ħafna snin ilu, iżda hija kelma ħajja, u għalhekk Allu jkun ikellem lilna illum, issa. Illum qed niċċelebraw il-Ħadd tal-Kelma t’Alla.


L-ewwel qari mill-ktieb ta’ Neħemija jirrakkontalna ġrajja importanti ħafna fl-istorja ta’ Iżrael. Fl-eżilju tas-sena 587 QK., il-poplu t’Alla kien ġarrab tbatija kbira; ħafna kienu maqtula, oħrajn kienu mkaxkra fil-Babilonja. Wara xi 50 sena Alla bagħtilhom il-ħelsien permezz ta’ Ċiru, s-Sultan tal-Persjani. Iżda dan il-ħelsien ma kienx xi esperjenza faċli għaliex pajjiżhom kien mfarrak għal kollox. Neħemija kien dak li bena mill-ġdid il-ħitan tal-belt u Eżdra bena t-tempju tal-Mulej. Mument speċjali ħafna fil-binja mill-ġdid tal-identità tal-poplu kien dan il-mument li smajna fl-ewwel qari tal-lum.


Eżdra beda jaqra, ‘u l-poplu kollu kien attent jisma’ l-qari tal-Ktieb tal-Liġi’. Hija mpressjonanti l-qima li l-poplu wera lejn il-Ktieb tal-Liġi; ‘U nxteħtu għarkupptejhom b’wiċċhom mal-art jagħtu qima lill-Mulej.’ Għall-poplu t’Alla l-Kelma t’Alla tfisser il-preżenza t’Alla f’nofshom; il-qima lill-Kelma hija l-istess qima li joffri lil Alla. Kemm hu mportanti li bħall-poplu t’Alla ninteressaw ruħna fil-Kelma t’Alla u nfittxu li nagħmlu ħilitna kollha biex nifhmuha: fil-quddiesa aħna ma niltaqgħux mal-Mulej biss fil-Ġisem u d-Demm tiegħu, iżda wkoll niltqgħu mal-Mulej fil-Kelma tiegħu.


San Pawl jgħallimna li hija l-Kelma li tagħmel il-Knisja, u fit-tieni qari tal-lum jgħidilna li l-Knisja hija l-ġisem ta’ Kristu; ‘bħalma l-ġisem hu wieħed, u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu. Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed’. Hu jgħidilna wkoll li aħna lkoll membri ta’ dan il-ġisem ta’ Ġesù li hu l-Knisja, u lkoll għandna ħidma differenti f’dan il-ġisem, bħalma l-membri tal-ġisem tagħna għandhom missjoni differenti iżda lkoll jingħaqdu flimkien għall-ġid tal-ġisem kollu. Iżda biex aħna nagħrfu x’inhi l-missjoni tagħna f’dan il-ġisem huma neċessarji t-talb u smigħ tal-Kelma t’Alla, għaliex huwa permezz ta’ dawn li Alla jkellemna.


Ġesù ‘kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta’ kulħadd’, jgħidilna San Luqa fl-Evanġelju tal-lum. X’kien iħoss il-poplu t’Alla x’ħin kien jisma’ lil Ġesù jaqra l-Bibbja u jgħallem? Luqa jindirizza l-vanġelu miktub minnu lil Teofilu: Teofilu mhu ħadd ħlief jien u int, għaliex dan l-isem grieg ifisser ‘iben t’Alla’. Il-poplu li kien jisma’ lil Ġesù jipprietka kien iħossu maħbub minn Alla, iben għażiż Tiegħu, u għalhekk il-Kelma ta’ Ġesù kienet tidħol f’qalbu u timlieħ bil-ferħ. Huwa importanti ħafna li nżommu f’moħħna li Ġesù mhux biss iwasslilna l-Kelma t’Alla, iżda li Huwa stess din il-Kelma ħajja ta’ Alla, u li Alla fi mħabbtu bla qies irid iwassal lill-bniedem ta’ kull żmien u post. Nistaqsu lilna nfusna: il-Kelma t’Alla x’post għandha f’ħajti? Kemm hu importanti għalija s-smigħ tal-Kelma t’Alla? Kemm infittex gruppi u okkażjonijiet li jgħinuni biex nifhimha sew, ħalli nkun nista’ ngħix skont il-qalb t’Alla?



Mulej Ġesù iftħilna moħħna u ħeġġilna l-qalbna għall-Kelma tiegħek biex bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħek aħna nifhmu dak li trid tgħidilna, ngħixuh fil-ħajja tagħna u fuq kollox insiru dejjem aktar nixbħu lilek f’ħajjitna kollha. Ammen

bottom of page