![](https://static.wixstatic.com/media/fc422f_9bfdff3102a54fe68542932934af1b02~mv2.jpg/v1/fill/w_980,h_653,al_c,q_85,usm_0.66_1.00_0.01,enc_auto/fc422f_9bfdff3102a54fe68542932934af1b02~mv2.jpg)
Dun Mikiel Attard kien jirrakkonta li darba waqt vjaġġ bil-vapur lejn Sqallija, sab ruħu jitkellem ma diversi persuni u li għamlilhom din il-mistoqsija, ‘X’inhu il-ferħ?’. Wieħed raġel li kien qed jixrob flixkun birra, qabeż u qallu, ‘il-ferħ huwa tixrob il-birra’ u beda jlegleg. Iżda wara ftit tal-ħin beda jqum il-maltemp, u ħafna beda jagħmlilhom id-deni, inkuż dak li kien jixrob il-birra. D. Mikiel kien jgħid li ħassu ttentat jgħidlu, ‘u issa x’sar mill-ferħ tiegħek?’ Illum xegħlna x-xemgħa r-roża, it-tielet waħda tal-Avvent: ir-roża huwa l-kulur tal-ewwel dawl li jidher fix-xefaq qabel ma titla x-xemx u li jurina li l-jum hu fil-qrib; hekk dan il-Ħadd irid jurina li l-Mulej issa huwa tassew fil-qrib. Dan huwa l-Ħadd tal-ferħ, li jissemma ħafna fil-qari tal-lum. Huwa mportanti ħafna nagħmlu din il-mistoqsija lilna nfusna: jien nħossni ferħan b’ħajti jew f’ħajti? U l-ferħ tiegħi fejn qed infittxu jew naħseb li nsibu?
Il-profeta Sofonija, li smajna silta mill-ktieb tiegħu fl-ewwel qari tal-lum, jistieden il-poplu t’Alla u lilna biex nagħmlu esperjenza awtentika tal-imħabba t’Alla, hekk li Alla jsir ir-raġuni prinċipali tal-ferħ tagħna: ‘Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, bint Sijon, Iżrael, samma’ leħnek! Infexx fl-hena u ifraħ b’qalbek kollha, bint Ġerusalemm!... Il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok..., fi mħabbtu jġeddek...’ Mela r-raġuni tal-ferħ tal-poplu t’Alla hija li f’nofsu hemm il-Mulej. Jien x’nimmaġina li jista’ jagħtini l-veru ferħ, Alla jew id-dinja?
San Pawl imbagħad fit-tieni qari jgħidlna: ‘Ħuti, ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu.’ U jagħtina ftit suġġerimenti biex ikollna l-veru ferħ: ‘Tħabbtu raskom b’xejn.’ Int fuq xiex tinkwieta? Jekk inkunu onesti magħna nfusna nsibu li ħafna drabi l-inkwiet tagħna jkun riżultat ta’ rabta żejda li jkollna ma dak li hu ta’ din id-dinja, jiġifieri jew flus/dak li hu materjali, jew l-image tagħna nfusna eċċ... San Pawl jgħidilna li l-inkwiet żejjed fuq dak li hu tad-dinja ħafna drabi jkun ifisser li aħna jkollna rabta żejda/ħażina miegħu, liema rabta mbagħad tispiċċa tagħmlilna ħafna ħsara f’dawk ir-relazzjonijiet li huma l-aktar għeżież għalina, jiġifieri familja, ħbieb u anke ma’ Alla stess. Huwa jagħtina r-riċetta li għandna bżonn biex infiqu minn din il-marda jew biex ma naqgħux fiha: ‘Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr.’ Kemm jagħmlilna ġid kieku fit-talb tagħna nuru lil Alla xi jkollna bżonn, iżda fuq kollox nitgħallmu nirringrazzjawh; min jagħmel hekk ikun qiegħed idarri lil moħħu jiffoka fuq il-pożittiv u mhux fuq in-negattiv. In-negattività hija tentazzjoni li rridu niġġildulha għax twassalna biex nitilfu l-fiduċja tagħna f’Alla u l-ferħ.
Fil-Vanġelu tal-lum Ġwanni l-Battista jwissi lin-nies li kienu jisimgħuh biex jikkonvertu. Li wieħed ikollu l-ferħ veru ma jfissirx li jgħix l-illużjoni falza li kollox huwa tajjeb, u li huwa qatt ma jiżbalja jew jidneb. Il-ferħ veru joħroġ minn aċċettazzjoni onesta u sinċiera tagħna nfusna, jiġifieri li aħna għandna kemm tajjeb u kemm ħażin, nagħmlu t-tajjeb iżda li kultant niżgarraw ukoll, iżda fuq kollox li Alla jħobbna u bil-qawwa ta’ Ibnu Ġesù jrid jeħlisna mill-qawwa tal-ħażen. Dan hija l-libertà vera, il-libertà tal-qalb u li Alla biss jista’ jagħtihielna u li tagħtina l-ferħ veru. Fuq kollox l-ferħ veru huwa riżultat tal-umiltà li wasslet lil Ġwanni biex jgħid ‘ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu...’. Nistaqsu lilna nfusna: jien fejn qed infittxu l-ferħ tiegħi? Kemm nemmen li Alla biss jista’ jagħtini dak li qalbi verament tixtieq? Kemm napprezza dak li għamel miegħi Alla u nirringrazzjah tiegħu? Jien umli biżżejjed li naċċetta li jien ukoll jeħtieġli nikkonverti u nsir bniedem aħjar?
Nitolbuk Mulej iftħilna għajnejna biex nintebħu kemm tassew għandna bżonnk, u li mingħajrek qalbna tibqa’ vojta: għenna biex dawk l-aħħar jiem qabel iċ-ċelebrazzjoni l-kbira tat-twelid tiegħek insibu ħin biex nirriflettu fuqna nfusna u fuq ir-relazzjoni tagħna miegħek, u agħtina l-grazzja ta’ qrara tajba li ddewwaqna l-ferħ veru li tista’ tagħtihulna int biss. Ammen.