![](https://static.wixstatic.com/media/fc422f_5747425bc0c24147a2191083284efe1c~mv2.jpg/v1/fill/w_900,h_712,al_c,q_85,enc_auto/fc422f_5747425bc0c24147a2191083284efe1c~mv2.jpg)
Sfida li jiltaqa’ magħha kull min jinteressa ruħu fil-Kelma ta’Alla hija li din mhux dejjem faċli nifhmuha. Għalhekk kemm hu mportanti li nfittxu gruppi, kotba u laqgħat li jgħinuna nifhmu dan il-ktieb tant sabiħ u tal-għaġeb. Il-Bibbja hija l-mod li bih Alla jkellemna llum, ma huwiex ktieb li qed jgħidilna sempliċement dak li gara fil-passat, iżda hija l-Kelma ħajja ta’ Alla, u għalhekk lil min jersaq lejha b’fidi u interess ġenwin verament isib fiha l-messaġġ ta’ Alla għalih, messaġġ li jdawwallu ħajtu fiċ-ċirkustanza jew ċirkustanzi li jkun fihom.
Fl-ewwel qari tal-lum, wieħed ftit jista’ jifhmu jekk ma jkunx jaf l-isfond storiku tiegħu. Il-Profeta Ġeremija qed ikellem lill-poplu t’Alla li jinsab fl-eżilju: fis-sena 587 Q.K., il-Babilonja, saltna kbira ta’ dak iż-żmien attakkat is-saltna ta’ Ġuda u ħarbtitha, u wara li qatlet ħafna mill-poplu, il-bqija kaxkrithom fl-Eżilju. Ġeremija jinqeda bil-kliem tal-ewwel qari tal-lum biex jagħmel kuraġġ lill-poplu li Alla kien ser iġibu lura u jsalvah; ‘...kotra kbira terġa’ lura hawn. Jiġu bil-biki, imma nfarraġhom jiena u nġibhom lura. Immexxihom lejn l-ilma ġieri, minn mogħdijiet watja biex ma jitfixklux. Għax jien missier għal Iżrael...’.
‘Xandru, faħħru u niedu: Il-Mulej salva l-poplu tiegħu, il-fdal ta’ Iżrael’. Din is-salvazzjoni li għanna l-Profeta tilħaq il-milja tagħha mhux meta l-poplu reġa lura mill-eżilju, iżda meta Alla bagħat lil Ibnu biex isalva lid-dinja: infatti s-salvazzjoni vera ma hijiex minn xi għadu estern għall-bniedem, iżda s-salvazzjoni vera hija minn l-agħar għadu li jeżisti, għadu li jinsab fil-bniedem, jiġifieri d-dnub: id-dnub jagħmel il-bniedem l-agħar skjav għax jagħmlu skjav tiegħu nnifsu. Il-Kelma t’Alla tispjegalna dan b’mod tant sabiħ fl-Evanġelju tal-lum.
F’għajnejn in-nies Bartimew ma kienx biss agħma, iżda kien midneb: infatti n-nies kienu jemmnu li Alla lit-tajjeb jagħtih it-tajjeb u lill-ħażin jagħtih il-ħażin. Bartimew jinsab mal-ġenb tat-triq, u l-folla għaddejja; dan jurina kemm kien qed jgħix ħajja iebsa, mhux biss għax kien agħmi u ma jistax isostni lilu nnifsu, iżda għax kien iġġudikat min-nies. Kienet sitwazzjoni bla tama: l-aħjar ħaġa li setgħa jagħmel hija li jistenna li forsi xi ħadd iħenn għalih u jagħtih xi munita żgħira, iżda ħadd ma setgħa jaqilgħu mis-sitwazzjoni tant diffiċċli li kien jinsab fiha. Bartimew jirrappreżenta lill-bniedem skjav tad-dnub.
Iżda darba ġara dak li qatt ħadd ma ħolom li jista’ jiġri; għadda xi ħadd differenti, għadda Ġesù u Bartimew emmen li Ġesù setgħa jagħtih dak li d-dinja kollha ma setgħetx tagħtih; “Xi tridni nagħmillek?” “Li nerġa’ nara, Rabbuni”. Il-qawwa ta’ Ġesù, li hu biss jista’ jeħles lill-bniedem, u l-fidi tiegħu fiH ħelsuh mid-dlam ta’ għajnejh. Kif Ġesù biss setgħa jfejjaq l-agħma, hekk ukoll Ġesù biss jista’ jfejjaq mid-dnub lil dawk li jagħrfu kemm ħsara jagħmel id-dnub u jemmnu li Ġesù biss jista’ jeħlishom. Il-problema kbira ta’ żmienna hija li ħafna drabi l-bniedem tal-lum huwa kuntent li jgħix agħma mal-ġenb tat-triq, skjav ta’ dnubu.
Hemm żewġ dettalji f’dan il-vanġelu li tassew jolqtuk: l-ewwel net in-nies li riedu jsikktuh u ftit wara dawk li għamlulu kuraġġ; hekk aħna fil-ħajja tagħna bħal Bartimew ma rridux naqtgħu qalbna meta d-dinja tipprova twaqqafna milli nersqu lejn il-Mulej. U t-tieni huwa l-mantar li tajjar minn fuqu l-agħma qabel ma resaq lejn Ġesù: dan il-mantar ifisser l-idea li n-nies ikollhom tagħna, u li kultant meta nħossu l-Mulej isejħilna biex nibdlu ħajjitna, nibdew nibżgħu minn dak li ser jgħidu n-nies x’ħin jarawna differenti: nitolbu biex bħal Bartimew ma nibżgħux intajru minn fuqna dak li naħsbu jew li nibżgħu li jgħidu n-nies dwarna u li forsi jkun qed iżommna milli nersqu lejn dak biss li jista’ verament jeħlisna. Nistaqsu lilna nfusna: Kemm ninteressa ruħi li nisma u nitgħallem il-Kelma t’Alla? Kemm nemmen li Alla jrid ikellemni permezz ta’ Kelmtu? Kemm jien konvint li d-dnub huwa l-akbar għadu tiegħi, u li jirrendini skjav tas-sitwazzjoni bħal Bartimew? Kemm għandi verament fidi f’Ġesù li huwa biss jista’ jagħtini l-ħelsien veru?
Nitolbuk Mulej nissel f’qalbna imħabba lejn il-Kelma tiegħek, u għenna nemmnu li huwa int biss li tista’ teħlisna mill-akbar għadu tagħna, jekk kemm-il darba aħna nemmnu fik bil-verità. Ammen.