Fi żmienna diffiċli ħafna nifhmu kif kienet is-sitwazzjoni tar-romol fi żmien il-profeta Elija u anke ħafna żmien wara fi żmien Ġesù. Is-socjetà ta’ dak iż-żmien kienet waħda maskilista għall-aħħar u r-raġel kien kollox. Miskina dik il-mara li żewġha kien imut għaliex kienet tisfa vittma ta’ nġustizzji kbar, u ħafna drabi ħadd ma kien jiddefendiha. Barra minn hekk f’kultura fejn l-għajxien kien miksub mir-raġel, nistgħu nimmaġina li mara armla u anke wlieda żgħar kienu jisfaw foqra meta r-raġel/missier kien jonqos.
Fl-ewwel qari tal-lum il-profeta Elija qiegħed jaħrab mis-sultana Ġeżabel li riedet toqtlu. Din is-sultana pagana kienet daħħlet l-allat foloz tagħha fil-pajjiż, u ħafna Lhud kienu bdew iqimu dawn l-allat. Elija kien ħabbar li ma kienetx ser tagħmel xita ħtija tad-dnub tal-poplu. Hu kellu jaħrab lejn art pagana għax is-sultana riedet toqtlu. Hemm kif smajna jiltaqa ma’ waħda armla u talabha tagħtih jixrob u ftit ħobż. Hi qaltlu li ma kien fadlilha xejn, kienet infatti qed thejji l-aħħar ikla li kien fadlilha u wara jmutu bil-ġuħ. Elija jgħidilha li dak-il ftit dqieq u żejt li kien fadlilha ma kienux ser jispiċċaw sa kemm terġa tagħmel ix-xita. Haġa tal-għaġeb hi emmnitu u għamlet kif qalilha. U kif qalilha Elija hekk ġara. X’mara fqira f’dak li hu ta’ din id-dinja, iżda għanja fil-fidi tagħha f’Alla; mara li mill-ftit tagħha kienet lesta tgħin lil min kien fil-bżonn. Ħafna drabi aħna naħsubha darbtejn biex ngħinu miż-żejjed li jkollna.
L-Evanġelju tal-lum ikellemna minn armla fqira oħra; din, f’kuntrast mal-kittieba li kulma jagħmlu jagħmluh għal għajnejn in-nies, tgħix ħajja umli u moħbija. Hija titfa biss ftit ċenteżmi fit-teżor tat-tempju, iżda quddiem Alla tefgħet aktar minn dawk li tefgħu ħafna, għax dawk tefgħu miż-żejjed tagħhom. Santa Tereża ta’ Kalkutta kienet tgħid: ‘Il-ġenerożità ma titkejjilx minn kemm tagħti, iżda minn kemm iżżomm għalik’.
Il-messaġġ ta’ din is-silta mill-Evanġelju ta’ San Mark ma huwiex biss dwar il-ġenerożità tal-armla, iżda fuq kollox huwa dwar il-fidi kbira tagħha. Fil-waqt li l-kittieba l-attenzjoni tagħhom hija kollha fuq dak li jgħidu u jaħsbu n-nies fuqhom għax iridu jkunu huma fiċ-ċentru tal-attenzjoni, dik tal-armla hi kollha f’Alla; hi tat kollox għax għandha fiduċja sħiħa f’Alla li hu jieħu ħsiebha. Nitolbuħ lil Mulej li jagħtina l-ġrazzja biex bħal dawn iż-żewġ romol ikollna fidi awtentika, u qalb umli u ġeneruża, filwaqt li nistaqsu lilna nfusna: x’inhu l-aktar importanti għalija x’jgħidu fuqi n-nies jew kif nidher quddiem Alla? Kemm nieħu ħsieb il-Fidi tiegħi, konxju li hija rigal li tagħhuli Alla, u li jekk ma nieħux ħsiebu nista nitilfu? Kemm jien kuntent ngħix ħajja sempliċi l-bogħod mill-attenzjoni żejda tan-nies, għax jien konvint li dak li jgħodd hu kif jarani Alla?
Nitolbuk Mulej kun magħna u agħtina l-grazzja li nifhmu s-sbuħija ta’ qalb umli u ġeneruża biex bi kliemna u ħajjitna nkunu xhieda tal-Fidi tagħna fik, u nħobbu lilek u lil ħutna kif tridna int.