top of page

It-33 Ħadd ta'Matul is-Sena B

Writer's picture: Fr. Edward VellaFr. Edward Vella

Il-bniedem sa minn dejjem kellu kurżità dwar il-futur, dwar x’ser jiġri, dwar x’inhu d-destin tal-bniedem. Anke aħna żgur li sikwit jgħaddi dan il-ħsieb minn moħħna: x’hemm lest għalija fil-futur? Il-ħajja tiegħi fuq din l-art kemm fadlilha? X’jiġri wara l-mewt?


Ġesù llum permeżż tal-kelma tiegħu jrid idawwal dan il-misteru li l-bniedem stħarreġ dwaru sa minn dejjem. Fl-ewwel qari mill-ktieb tal-profeta Danjel jgħidilna li għad irid jiġi żmien li dawk li jkunu ‘rieqda fit-trab jistenbħu, min għall-ħajja ta’ dejjem u min għall-għajb u l-istmerrija għal dejjem’. Mela l-Kelma t’Alla qed tgħidilna ċar u tond li aħna ma nispiċċawx mal-mewt, iżda li għad rridu nqumu għall-ħajja ta’ dejjem. Iżda għad li nqumu lkoll, mhux ilkoll inqumu għall-istess tip ta’ ħajja; ‘Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema’, jiġifieri li jsiru jixbħu lil Alla nnifsu, u b’mod speċjali ‘dawk li jkunu wasslu ’l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem’. Mela dawk li bi kliemhom u ħajjithom ikunu wasslu ħafna għand Alla ikollhom dija speċjali bħal dik tal-kwiekeb. Dan kollu xi jfisser fil-prattika għalina?



1. Ifisser li dak li hu ta’ din id-dinja kollu jgħaddi; ara kemm nitħabtu u nistinkaw għal dak li hu materjali, illum jew għada irridu nħallu kollox warajna u l-valur ta’ dan kollu ma jkun jiswa xejn għalina aktar. Kemm hu iblaħ il-bniedem li jaħdem biss għal dak li hu ta’ din id-dinja, kemm hu iblaħ min jittraskura ’l Alla, il-familja u ħbieb tiegħu jew anke lilu nnifsu biex igeddes f’din id-dinja. Kemm hu iblaħ minn jiġġieled fuq wirt jew ħwejjeġ oħra materjali u jkisser l-għaqda fil-familja biex jakkwista dejjem aktar; aktar ma għandek aktar ikunu tqal għalik l-aħħar mumenti tal-ħajja u l-ġudizzju ta’ Alla.



2. Dan ifisser ukoll li ta’ ħajjitna għad irridu nagħtu kont ’l Alla. Liema hu l-aktar mument importanti tal-ħajja jew aħjar tal-eżistenza kollha tagħna? Bla dubju hu l-mument li jiġi dritt wara l-mewt, x’ħin nidhru quddiem Alla u naraw il-verità kollha ċara daqs il-kristall; naraw kemm ħabbna Alla u kemm konna ngrati aħna bi dnubietna. J’Alla dak il-ħin ikollna l-qawwa tas-sagramenti li nkunu ċċelebrajna f’ħajjitna li permezz tagħhom Ġesù ikun ħassar ħtijietna u għamilna dejjem aktar nixbħu lilu. J’Alla dak il-ħin jilqgħuna ħutna l-foqra li nkunu għennihom minn dak li pprovdielna l-Mulej f’din il-ħajja. J’Alla, fuq kollox ikollna l-ispirtu ta’ umiltà tal-Pubblikan tal-parabbola li qalilna Ġesù, jiġifieri dak li baqa’ in-naħa ta’ wara tat-tempju jitlob u jħabbat fuq sidru b’rasu baxxuta hu u jgħid, “Ikollok ħniena minni Mulej jiena midneb”.


Fit-tieni qari tal-lum mill-ittra lil-Lhud smajna; ‘Kristu, wara li offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet, qagħad għal dejjem fuq in-naħa tal-lemin ta’ Alla... Għax hu b’offerta waħda għamel perfetti għal dejjem lil dawk li huwa jqaddes’. Mela dak li lilna jagħmlilna kuraġġ quddiem Alla, x’ħin nidhru quddiemu huwa jekk aħna nkunu sirna ħaġa waħda ma’ Ġesù fil-ħajja, mewt u qawmien tiegħu. Dan aħna nagħmluħ kull meta nieħdu sehem fl-Ewkaristija. Iżda l-Ewkaristija biex tkun awtentika trid twassal għall-Karità, jekk le tkun biss ritwal estern li ftit jiswa. Nistaqsu lilna nfusna: jien kif qed ngħix, kemm nitħejja kuljum biex niltaqa mal-Mulej, jew ngħix bħalli kieku s-sigħa tal-aħħar mhu ser tasal qatt? Kemm jien konxju li r-rabta żejda ma dak li hu ta’ din id-dinja tiswa biss biex nbati aktar meta jasal il-waqt li nħalli kollox warajja?


Mulej nixtiequ ngħidulek grazzi bil-qalb tal-Kelma tiegħek, Kelma iebsa iżda ta’ ġid kbir għalina; nitolbuk għinna ħalla ninqdew b’dak li jgħaddi għall-ġid tagħna u tal-oħrajn, iżda norbtu qalbna biss Miegħek u mal-ħajja ta’ dejjem li int biss tista’ toffrihielna. Ammen

bottom of page