top of page

It-8 Ħadd ta'Matul is-Sena Ċ



Il-qalb tal-bniedem hija misteru: min jifhimha? Il-bniedem stess isibha diffiċli jifhem lilu nnifsu, u din hi l-akbar sfida tal-ħajja, jiġifieri li wieħed jifhem lilu nnifsu. Li hu żgur hu li l-esperjenzi li ngħaddu minnhom fil-ħajja jħallu impatt fuqna: dawn huma ta’ żewġ għamla; hemm l-esperjenzi li tgħaddina minnhom il-ħajja u li ma għandniex kontroll fuqhom (il-kontroll tagħna jkun kif nirreaġixxu għalihom) u hemm l-esperjenzi li huma fil-kontroll tagħna u jiddependi minna nagħmluhomx parti minn ħajjitna jew le. Kemm hu importanti għall-bniedem li jagħżel esperjenzi tajbin, fejn jiddependi minnu, għax dawn isiru parti minnu: eżempju ta dan jekk bniedem jipprova d-droga, anke darba biss, il-moħħ tiegħu ser jerġa jgħidlu biex jerġa, u mhux darba biss; minn naha l-oħra min qatt ma mess mad-droga il-moħħ tiegħu diffiċli ħafna jissuġġerilu jippruvaha, u anke jekk jagħmel dan, huwa ikun liberu li jaċċetta din il-ħaġa jew le. Għalhekk kemm hu importanti li noqgħdu attendi xi ndaħħlu f’ħajjitna, għaliex dan, l-aktar jekk jispiċċa xi ħaġa repetuta, issir parti minna u jekk ikun xi ħaġa tajba ser tagħmlilna ħafna ġid, iżda jekk tkun ħaġa ħażina ser tagħmlilna ħafna ħsara.



L-ewwel qari tal-lum, mill-ktieb ta’ Bin Sirak, ikellemna dwar qalb il-bniedem: ‘Il-forn jgħaddi mill-prova xogħol il-fuħħari, hekk ukoll bniedem tagħrfu minn kliemu.’ Kif aħna. ħafna drabi, responsabbli ta’ dak li jidħol f’qalbna, kliemna minn naħa l-oħra, jikxef x’hemm f’qalbna. Aħna ngħidu li ‘il-bniedem trid tagħmilha miegħu biex issir taf min hu’. U x’jikxef min hu l-bniedem? Kliemu u għemilu. Wieħed jista’ jaħbi għal ftit x’hemm f’qalbu, iżda ma jistax jaħbi għal dejjem. Mela Bin Sirak ikompli jgħidilna: ‘Meta jheżżu għarbiel jibqa’ fih l-iskart, hekk ukoll min jgħarbel lilu nnifsu jagħraf ħżunitu.’ Ħadd minna ma hu perfett, u żġur li meta neżaminaw lilna nfusna nsibu li ħallejna xi ħażen jidħol f’qalbna; biex wieħed jeħles minn dan il-ħażen l-ewwel pass huwa li nsiru konxju tiegħu: k’Alla jrid ser nibdew ir-Randan imqaddes, żmien li fih il-Knisja, aktar minn kull żmien ieħor, tistedinna għas-skiet; qegħdin ngħixu f’dinja strobjuża u kemm hu diffiċċli għall-bniedem li jieqaf ftit u jirrifletti fuq l-aktar ħaġa importanti li għandu, jiġifieri qalbu stess. ‘Il-frott jikxef kemm bidwi jkun ħa ħsieb is-siġra, hekk ukoll kelma tikxef ħsieb qalb il-bniedem.’ Il-bniedem li jieħu ħsieb moħħu u qalbu (il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tiegħu) ikun qiegħed jieħu ħsieb l-akbar teżor li għandu.


Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jgħidilna: ‘“Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra?’. Il-bniedem li ma joqgħodx attent fuqu nnifsu, u xi jdaħħal f’ħajtu, il-ħażen tad-dinja jidħol fih, u minnu ma jistax joħroġ ħlief ħażen; għalxejn jipprova jaħbi l-ħażin u jagħti t-tajjeb, ‘għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm”, ikompli jgħidilna Ġesù. Dan il-kliem jgħinna nifhmu x’responsabiltà għandna lejn xulxin, iżda fuq kollox jolqot lill-ġenituri u lil dawk li għandhom xi pożizzjoni importanti fil-knisja u fis-soċjetà. Mela l-vera imħabba lejn xulxin trid tibda billi nieħdu ħsieb dak li jidħol f’moħħna u qalbna, għax minn dan jiddependi kif ninfluwenzaw lil ħaddieħor. ‘Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin...’. Nistaqsu lilna nfusna: Jien kemm jien attent fuqi nnifsi li ma nħallix l-ħażen tad-dinja jidħol f’moħħi u f’qalbi, konxju li jekk ma noqgħodx attent il-ħażen jirbaħni? Kemm jien konxju li l-akbar rigal li nista’ nagħti lill-għeżież tiegħi ma huwiex xi ħaġa materjali, iżda fuq kollox min jien?


Nitolbuk Mulej illum biex tiftħilna moħħna u qalbna għall-Kelma tiegħek li hija l-għajn ta’ kull ġid, biex hekk moħħna u qalbna jimtlew b’dawk il-ħsibijiet u sentimenti li jogħġbu Lilek: hekk biss inkunu nistgħu nagħtu lilna nfusna lil xulxin bi mħabba vera u ħajja sabiħa. Ammen

bottom of page