Qari:
Ħsieb:
Naħseb ilkoll kemm aħna niftakru xi esperjenza ta’ tfulitna meta rċevejna xi rigal sabiħ fil-Milied u l-ferħ li dan ġab miegħu. Il-ferħ ta’ rigal imur lil hinn mill-valur tar-rigal li jkun; il-ferħ ta’ rigal fuq kollox huwa l-ferħ tal-imħabba, li tagħti rigal lil xi ħadd ifisser li tħobbu. Ma jagħmilx sens rigal mingħajr imħabba. Aħna li jferraħna verament fuq kollox hija l-imħabba li nagħtu lil xulxin.
Jekk tiftakru, il-kelma li ggwidatna fl-ewwel Ħadd tal-Avvent kienet ‘Ishru’, u fit-tieni Ħadd kienet ‘Indmu’. Illum għandna kelma qawwija oħra li tiggwidana, u din hija ‘Ifirħu’. Forsi mal-ewwel daqqa t’għajn ma nintebħux li dawn il-kelmiet huma l-essenza tal-vjaġġ li Alla jridna nagħmlu permezz tal-Kelma tiegħu f’dan l-Avvent. Il-bniedem li jishar huwa l-bniedem li jitlob u jisma’ l-Kelma ta’ Alla; din twasslu li joqrob lejn Alla u allura li jintebaħ kemm hu midneb iżda midneb maħbub u meħlus minn Alla. Din hija aħbar li ġġib fina ferħ kbir. Iva l-akbar rigal fil-Milied jagħtihulna Alla.
Fl-ewwel qari tal-lum, mill-profeta Iżaija, smajna, ‘Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi. Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni,...’. Mela r-raġuni tal-ferħ hija għax Alla ġej biex isalvana: iżda minn xiex ġej isalvana Alla? Forsi ħafna minna lanqas biss iħossu l-bżonn ta’ din is-salvazzjoni ta’ Alla. L-istess qari jgħidlna wkoll, ‘L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani, biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, bagħatni ndewwi l-qalb miksura; biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs;...’. Forsi naħsbu li dawn ir-rigali li qiegħed jibgħatilna Alla permezz tal-Ikkonsagrat tiegħu ma jgħoddux għalina; iżda jekk nieqfu nirriflettu sew u neħduhom f’sens spiritwali nintebħu li mhux talli jgħoddu għalina, talli għandna bżonnhom aktar minn kull rigal ieħor. Minn minna ma jħossx il-bżonn ta’ bxara tajba kull tant, ta’ kelma li tagħmillu l-ġid, li tinkoraġġih, ta’ kelma li toħorġu mid-dlam għad-dawl u turih imħabba. Min minna ma jħossux magħluq ġo ħabs li ħadd u xejn ma jista’ joħroġu minnu kultant: Alla biss jista’ jagħtina dak il-ħelsien ta’ ġewwa li verament għandna bżonn.
Ġwanni l-Battista mal-ewwel daqqa t’għajn ma tantx jidher mudell tal-veru ferħ: dan ir-ragel jgħix fid-deżert, jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ, liebes ġild ta’ ġemel... żġur li aħna mhux hekk infittxuh il-ferħ tagħna. Iżda fl-istess ħin tgħaġġbek il-libertà kbira li biha jitkellem u jgħix: ma għandu ebda rabta ma dak li hu ta’ din id-dinja, iwissi lin-nies bla biża, u dan saħansitra swielu ħajtu meta wissa lis-sultan Erodi. Tgħid dan ir-raġel sab xi ħaġa tant speċjali u sabiħa li minħabba fiha dak kollu li hu materjali, u saħansitra l-ħajja fuq din l-art stess, ma baqgħu jiswew xejn għalih? Tgħid sab dak is-sens tal-ħajja li aħna għadna nfittxuh? Kemm ngħidu aħna li fil-ġid tad-dinja ma hemmx il-ferħ veru, u li l-flus ma jagħmlukx kuntent, iżda x’ħin niġu għall-ħajja konkreta kif ngħixu? Nistaqsu lilna nfusna: jien fejn qiegħed infittxu l-ferħ ta’ ħajti? Ġieli nħossni diżappuntat mill-ħajja u minn dak li toffri? Kemm qiegħed nagħti ċans lil Alla biex jimla l-qalbi u jagħti sens lil ħajti?
Mulej Ġesù f’dan il-Ħadd tal-ferħ, aħna faċli nintebħu li ħafna drabi qegħdin infittxu ferħ tad-dinja li ftit idum, u ninsew li dak l-ferħ u s-sens tal-ħajja li verament neħtieġu nistgħu nsibuħ biss fik. Għinna Mulej ħalli d-dawl tiegħek jiddi fid-dlam ta’ ħajjitna biex hekk mhux biss ingawduh aħna iżda jgawduh oħrajn permezz tagħna.