top of page

It-Tielet Ħadd tal-Għid - Sena B



Jgħidu li l-emu meta jara l-għadu u ma jkunx jista’ jaħrab, idaħħal rasu fir-ramel. Ma nafx l-emu jagħmilx hekk, iżda żġur li aħna l-bnedmin xi drabi nagħmlu hekk, jiġifieri li quddiem ir-realtà tad-dnub u l-ħażen ta’ madwarna u ta’ ġo fina, minflok ma nfittxu lill-Mulej li waħdu jista’ jeħlisna, ndaħħlu rasna ġor-ramel, u nibdew ngħidu li l-ħażen u d-dnub ma jeżistix, jew agħar minn hekk, nibdew ngħixu ħajja fejn ma jimpurtaniex il-ħażen jeżistix jew le, u allura ma nagħtux każ tal-effetti tiegħu fuqna. Mhux ta’ b’xejn ġiet fiex ġiet id-dinja tagħna.


Fl-ewwel qari tal-lum, Pietru qiegħed jipprova jiftaħ għajnejn il-poplu Lhudu, u għajnejna, dwar id-dnub: ‘Alla ta’ missirijietna gglorifika lill-qaddej tiegħu, Ġesù, li intom ittradejtuh u ċħadtuh quddiem Pilatu... Intom ċħadtu l-Qaddis u l-Ġust, tlabtu l-ħelsien ta’ wieħed qattiel u qtiltu lill-awtur tal-ħajja.’ Pietru ma qagħadx jilgħab bil-kliem, iżda fetaħ għajnejn il-poplu fuq id-dnub tiegħu, iżda mbagħad kompla; ‘Imma Alla qajmu mill-imwiet, u ta’ dan aħna xhieda.’ Mela Ġesù ħareġ rebbieħ fuq il-ħażen u d-dnub. Huwa jkompli jgħidilhom kif Alla, fl-għerf infinit tiegħu, ma jistax ikun li jħalli l-ħażin jirbaħ, anzi huwa kapaċi jikteb dritt fuq il-linji mgħawwġa tagħna: ‘b’hekk Alla temm dak li hu kien ħabbar sa minn qabel b’fomm il-profeti, jiġifieri, li l-Messija tiegħu kellu jbati.’


Imma issa għalihom u għalina, midinbin li aħna, x’inhi s-soluzzjoni? Nemmnu f’Ġesù u nindmu minn dnubietna: ‘Indmu, mela, u erġgħu lura minn dnubietkom biex jinħafrulkom’. L-unika soluzzjoni għar-realtà negattiva tad-dnub u l-ħażen hija Ġesù u l-Fidi vera fih li qam mill-mewt għax hu biss jista’ jeħlisna mid-dnub tagħna. L-uniku mod biex aħna din ir-rebħa ta’ Ġesù nagħmluha tagħna hija l-indiema vera u ġenwina: l-indiema tfisser li nammettu li d-dnub jagħmlilna ħafna ħsara aktar minn kull ħaġa ħażina oħra, nammettu li aħna midinbin, u fuq kollox nemmnu li Ġesù biss jista’ u jrid jeħlisna minnu u allura mmorru għandu, infittxu lilu; ‘jekk xi ħadd jidneb, aħna għandna Difensur quddiem il-Missier, lil Ġesù Kristu, il-ġust.’


San Ġwann fit-Tieni qari jwissina: ‘kull min iżomm il-kelma tiegħu, fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla fil-milja tagħha.’ Ma nistgħux aħna nibnu ħajjitna fuq Ġesù jekk ma nkunux nafu l-Kelma tiegħu. F’dan iż-żmien għażiż tal-Għid, il-Kelma t’Alla qegħda turina kif aħna wkoll nistgħu niltaqgħu ma’ Ġesù mqajjem mill-mewt illum: iva llum jien u int nistgħu nagħmlu l-esperjenza tal-appostli li ltaqgħu miegħu kif smajna fl-Evanġelju.


Ġesù jidher lill-Appostli u jurihom il-marki tal-kruċifissjoni, iżda dawn issa ma humiex aktar sinjali ta’ tbatiija iżda tar-rebħa tiegħu fuq il-ħażen u d-dnub, bil-qawwa tal-imħabba t’Alla. Huwa jurihom li dak li ġara ma kienx xi destin kiefer iżda l-pjan tal-Missier għas-salvazzjoni tad-dinja. ‘“Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet,’. Issa kien imiss il-Missjoni tagħhom: ‘li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm.’ L-istrument li bih Alla kien ser jinqeda kienu huma: ‘Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri.’ Bħala l-aqwa għajnuna l-Mulej ser jagħthom l-Ispirtu s-Santu li ser jaħdem fihom u fil-Knisja mwaqqfa minnu sal-aħħar taż-żmien. Nistaqsu lilna nfusna: jien nammetti bis-sinċerità li jien midneb? Kemm nemmen li Ġesù biss jista’ jeħlisna mid-dnub tiegħi? Naċċetta li l-missjoni tiegħi hija li nxerred l-aħbar it-tajba tal-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù fid-dinja tiegħi, jew jien nisrani b’idejh marbuta?


Nitolbuk Mulej iftħilna moħħna u qalbna biex nifhmu l-iskrittura li kollha kemm hi titkellem dwarek, u li fik insibu dik il-qawwa li tirbaħ il-ħażen li hemm ġo fina biex hekk fina u permezz tagħna tkun tista’ tkompli r-rebħa tiegħek fuq id-dnub u l-mewt. Ammen


bottom of page