top of page

It-Tielet Ħadd tar-Randan – Sena B

Writer's picture: Għasri ParishGħasri Parish




Kemm hu ikraħ il-jasar. Malli tiġi f’moħħok din il-ħaġa faċli taħseb li din hija ħaġa tal-passat, ta’ żmien it-torok, iżda ma ddumx wisq ma tintebaħ li sfortunatament anke fi żmienna hawn diversi tipi ta’ jasar. Huma ħafna dawk il-persuni li jiġu sfruttati minn nies bla qalb li biex iħaxxnu bwiethom lesti li jagħmlu kollox. Però jekk wieħed ikollu jirrifletti ftit fit-tul jintebaħ li l-agħar forma ta’ dan il-gwaj hija meta l-bniedem ijassar lilu nnifsu: il-viżżji huma meta l-bniedem ijassar lilu nnifsu u jsir skjav ta’ dak li jħoss ġo fih.



Fl-ewwel qari tal-lum smajna li wara li l-poplu nħeles mill-iskjavitu tal-Eġittu, Alla jagħmel patt miegħu fejn il-muntanja Sinaj. Biex wieħed jifhem dan jeħtieġ li jirrifletti sewwa fuq l-ewwel sentenza li qal Alla: “Jiena hu l-Mulej, Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art tal-Eġittu, minn dar il-jasar.” Alla qiegħed jgħid lill-poplu aċċetta din il-liġi minn idejn Alla li jħobbok bi mħabba kbira. Alla jagħtih din il-liġi biex iħarsu minn jasar ħafna agħar, il-jasar tad-dnub, jew li wieħed isir skjav tiegħu nnifsu. Din il-liġi t’Alla jew l-10 kmandamenti huwa fil-bażi ta’ kull ċiviltà umana li tirrispetta d-dinjità tal-bniedem.



Jekk nirriflettu fuq l-evanġelju tal-lum nintebħu li jasar bħal dan mhux biss irid joqgħod attend minnu kull bniedem individwalment, iżda anke gruppi, soċjetajiet u anke kull struttura umana, anke reliġjuża hija fil-periklu li taqa’ f’xi forma ta’ skjavitù. Is-sistema reliġjuża ta’ żmien Ġesù kienet waħda mħassra; l-awtoritajiet reliġjużi kienu għamew wara l-poter u l-ġid tad-dinja. Għalhekk, biex huma jibqgħu jidhru sbieħ f’għajnejn in-nies, kien jeħtiġilhom jibsu maskra li tidher sabiħa iżda li ma kienet taqbel xejn ma’ dak li kienu fil-verità. Biex jiddefendu din il-ġidba huma kienu lesti li saħansitra jeħilsu mill-Mibgħut ta’ Alla, Ibnu l-waħdieni li ġie biex isalva d-dinja, u jgħarrafha l-verità. Ma naħsibx li jeżisti skajvitù agħar minn hekk, fejn il-bniedem tant jagħma li saħansitra l-abjad jibda jgħidlu iswed u l-iswed jibda jgħidlu abjad għax hekk jaqbillu: f’dak il-mument il-bniedem jaħseb li qiegħed iġibha żewġ kif ngħidu, iżda ħajja bħal din ma tistax tibqa’ sejra hekk għal dejjem, jiġi l-mument tal-verità li ħadd ma jista’ jaħrab minnu, u l-bniedem li jkun għex ġidba jara ħajtu tiġġarraf quddiemu: j’Alla almenu dak il-ħin ikollu umiltà biżżejjed li jammetti li żbalja kollox u jitlob maħfra lil Alla.



Fl-evanġelju tal-lum naraw li dak il-patt li fit-testment il-qadim Alla għamel mal-poplu tiegħu permezz ta’ liġi, issa Alla jagħmlu mal-bnedmin kollha permezz ta’ Ibnu. “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem jien nerġa’ntellgħu”... Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu.’ Issa mhux iżjed it-tempju li huwa ċ-ċentru tal-Fidi vera iżda Ġesù huwa l-veru Tempju li jgħaqqad l-art mas-sema, huwa Hu dak il-pont li jgħaqqad il-bniedem ma’ Alla li ħalqu. Dan ifisser li issa l-bniedem ma huwiex biss imsejjaħ biex jgħix il-kmandamenti iżda huwa msejjaħ biex jgħixhom bi mħabba kbira bħal dik ta’ Ġesù: din hija l-milja tal-liġi kif qalilna huwa stess. Nistaqsu lilna nfusna: f’ħajti jien x’inhu l-aktar importanti li ma ninqabadx meta nagħmel il-ħażin jew li ngħix b’konvinzjoni dak li nemmen li huwa tajjeb u ġust? X’relazzjoni għandi ma’ Ġesù, nemmen li huwa biss jista’ jagħtini l-libertà vera, dik il-libertà li ħadd u xejn ma jista’ jeħodhieli?



Nitolbuk Mulej, għinna ħalli dejjem inżommu għajnejna miftuħa u qatt ma nagħmew wara dak li hu ta’ din id-dinja, hu x’inhu u ġej minn fejn ġej. Għinna ħalli nifhmu li int biss tagħtina il-libertà vera; mhux libertà eġoistà fejn jien nagħmel li rrid u li jogħġobni, iżda l-libertà tal-imħabba li twassalna biex nħobbu u nirrispettaw lil xulxin kif tridna int.


3 Ħadd tar-Randan – B - Qari: https://laikosblog.org/2023/08/17/qq_030324/


bottom of page