Aktar ma jgħaddu s-snin u wieħed jikber fl-età, aktar donnhom is-snin jiqsaru. Hekk hi l-ħajja; però naħseb li ħafna minna ftit jieqfu jirriflettu x’jimplika dan. Li ż-żmien jgħaddi malajr ifisser li aħna ma nistgħu norbtu qalbna ma’ xejn ta’ din id-dinja għax illum tagħna u għada jitteħdilna, jew aħjar nittieħdu aħna, u x’ser jibqa’?
‘Għeżież, kull min jemmen li Ġesù hu l-Messija hu mwieled minn Alla,... kull min hu mwieled minn Alla jegħleb lid-dinja. Din hi r-rebħa fuq id-dinja: il-fidi tagħna.’ Dan qalulna San Ġwann fit-2 qari tal-lum. Dan ifisser li kull min jemmen li Ġesù qam mill-mewt jegħleb id-dinja. Hawn il-kelma dinja tfisser dak kollu li jmur kontra r-rieda t’Alla għalina; kif Ġesù bil-qawmien tiegħu rebaħ fuq il-ħażen, dnub, mewt, mibegħda... hekk aħna nirbħu miegħu jekk nemmnu fih. Jien/Int nagħmel parti minn din ir-rebħa ta’ Ġesù jew le?
L-ewwel insara, tant l-esperjenza ta’ Ġesù mqajjem mill-imwiet kienet qawwija għalihom, tant għalihom dak li hu ta’ din id-dinja kien iservihom biss biex jgħixu u jgħinu lill-oħrajn, u mhux kienu skjavi tiegħu li ‘Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda.
Ħadd minnhom ma kien jonqsu xejn; għax kull min kellu oqsma jew djar kien ibigħhom, u l-flus li jdaħħal minnhom kien imur iqegħedhom f’riġlejn l-appostli. Imbagħad kien jitqassam kollox skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed.’ Nisrani ta’ veru huwa dak li l-fidi tiegħu jgħixha billi jinqeda b’dak li jgħaddi għall-ġid tiegħu u tal-oħrajn, iżda jorbot qalbu biss ma dak li jibqa għal dejjem.
Is-salm tal-lum jgħidilna ‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka.’ Ġesù huwa din il-Ġebla tax-Xewka, ġebla li torbot il-binja flimkien biex ma tiġġarrafx, u din l-binja hija ħajti u ħajtek, din il-binja hija l-Knisja u s-soċjetà tal-bnedmin, fuq kollox din il-binja li mingħajr Ġesù mhux biss tiġġarraf iżda tinqered għal kollox hija l-umanità kollha li, sfortunatament, kif qegħdin naraw fi żmienna, il-bniedem li jwarrab lil Ġesù mqajjem mill-imwiet huwa bniedem li jeqred mhux ’l Alla iżda lill-bniedem stess.
Fil-Vanġelu tal-lum naraw li kien l-Ewwel Jum tal-Ġimgħa meta Ġesù jidher lill-Appostli, jiġifieri l-Ħadd, u l-ewwel u l-aqwa rigal li jagħtihom hija s-sliem jew il-paċi. Ġesù, għax hu Alla, ma jqumx mill-mewt rrabjat biex ipatti lil min għaddieh minn mewt daqshekk vjolenti, iżda għal kuntrarju tant huwa mimli bil-paċi li din tfawwar minnu fuq l-umanità kollha; u f’rabta mal-paċi vera ta’ Ġesù hemm neċessarjament il-maħfra tad-dnubiet. Is-sagrament tal-Maħfra jew tal-qrar, ma ivvintaħx xi Papa jew qaddis, lanqas il-qassisin iżda huwa rigal tal-Irxoxt biex iroddilna l-paċi li nkunu tlifna bid-dnub: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.
L-Evanġelju llum ikellemna minn xi ħaġa oħra, li mhux biss hija importanti għall-Fidi tagħna iżda hija neċessarja: ‘Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù.’ Kemm hu nieqes mill-verità min jgħid li ma għandekx bżonn tmur il-Knisja biex titlob! Tumas, għax ma kienx ma sħabu, ma setgħax jemmen. Hekk ukoll ma jistax jemmen min ma huwiex fil-komunità nisranija, min ma jismax mill-kmand ta’ Ġesù meta jgħidilna ‘Agħmlu dan b’tifkira tiegħi’. Il-Fidi vera ma hijiex temmen li jeżisti Alla xi mkien hemm fuq u daqshekk; il-Fidi vera hija esperjenza tal-imħabba t’Alla li wieħed iħoss il-bżonn li jiċċelebraha mal-komunità nisranija u jgħixha fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum fl-imħabba. Nistaqsu lilna nfusna: illum, f’dan il-Ħadd tal-Ħniena Divina, jien kemm nemmen li ma nistax nagħmel esperjenza vera tal-Imħabba u l-Ħniena ta’ Alla mingħajr is-Sagramenti tal-Maħfra/Qrar u l-Quddiesa/Ewkaristija.
Nitolbuk Mulej għinna ħalli qatt ma nwarrbu minna l-esperjenza tal-qawwa tiegħek imqajjem mill-mewt, liema esperjenza l-ewwel u qabel kollox ngħixuha fis-sagramenti tal-Quddiesa u fis-sagrament tal-Maħfra tiegħek. Ammen