![](https://static.wixstatic.com/media/fc422f_a6927279d25649439d9ada09b2357cd7~mv2.jpg/v1/fill/w_900,h_746,al_c,q_85,enc_auto/fc422f_a6927279d25649439d9ada09b2357cd7~mv2.jpg)
Fil-ħajja xi alla jrid ikollok: int min hu alla tiegħek; Alla ta’ Ġesù Kristu jew xi alla ieħor? Naħseb li ħafna minna nkunu pronti ngħidu “Alla ta’ Ġesù Kristu”: iżda biex wieħed jagħraf dak li verament hemm f’qalbu, dak li verament jiġi l-ewwel f’ħajtu jrid jirrifletti u jaħseb fit-tul: altru t-tweġiba li tiġi spontanja għax hekk tgħallimniha u hekk konna dejjem ngħidu, u altru l-verità li nkunu ngħixu. Alla tiegħek huwa dak, dik jew l-oħra li tkun l-aktar ħaġa importanti f’ħajtek, alla tiegħek huwa dak li taħseb fuqu qabel ma torqod u tqum taħseb fuqu bil-lejl, alla tiegħek huwa dak li malli tistembaħ filgħodu moħħok imur fih. Alla l-veru, Alla ta’ Ġesù Kristu ma tistax tagħtih it-tieni post, għax jekk hu hekk ma jkunx Alla tiegħek. Il-Ħadd li għadda tkellemna fuq il-ħtieġa li nisktu, li mmorru fid-deżert u nfittxu s-skiet, għax huwa biss fis-skiet li nagħrfu l-verità ta’ ħajjitna, li nikxfu l-maskri li ninħbew warajhom, li nintebħu bit-tentazzjonijiet biex hekk nkunu nistgħu nagħmlu ħilitna biex nirbħuhom. Huwa fis-skiet li nintebħu bid-dnub tagħna, u hekk l-opportunità li nindmu u ninbidlu. Is-skiet jurina min aħna u min hu alla tagħna.
F’dan il-Ħadd il-Kelma t’Alla tpoġġi quddiemna l-fiġura ta’ Abraham, missierna fil-Fidi. Fi żmien li fih is-sagrifiċċji umani kienu xi ħaġa li teżisti f’ħafna partijiet tad-dinja, u kienu l-mod li bih wieħed juri li huwa jemmen fl-allat tiegħu billi joffrilhom l-aktar ħaġa għażiża li għandu, Alla juri lil Abraham li l-Fidi vera hija kollha bil-maqlub: mhux aħna li rridu noffru l-aktar ħaġa għażiża li għandna lil Alla iżda huwa HU li joffri lil Ibnu l-għażiż biex isalva lilna. Infatti San Pawl, fit-tieni qari jgħidilna, ‘Hu, li lanqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu?’ Forsi dan huwa wieħed mill-isbaħ versi tal-Bibbja: Alla li mhux talli ħalaqna, tagħna kulma għandna u kulma aħna, iżda saħansitra lanqas lil Ibnu ma żamm għalih, iżda tahulna wkoll. Daqshekk hija kbira l-Imħabba t’Alla għalina! Kull alla ieħor jagħmilna skjavi tiegħu, huwa Alla ’l veru biss li jagħmilna wlied maħbuba, li jagħti lilu nnifsu lilna u mhux aħna nissagrifikaw lilna nfusna u lill-għeżież tagħna għalih.
Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù juri l-glorja tiegħu ta’ Alla lill-Appostli l-aktar qrib tiegħu biss. Huma jisimgħu leħen il-Missier jgħid, “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”. Dan huwa l-Iben ta’ Alla li issa wasal il-mument li joffri lilu nnifsu għas-salvazzjoni tad-dinja. B’hekk tintwera l-qalb kollha mħabba tal-Missier lejna l-bnedmin. Kemm kellu raġun San Pawl li bħala l-aqwa argument ta’ kemm Alla jħobbna jgħid, ‘Min se jakkuża l-magħżulin ta’ Alla? Alla stess hu dak li jiġġustifikahom. Min se jikkundannahom? Kristu Ġesù li miet, jew aħjar, li qam mill-imwiet, jinsab fuq il-lemin ta’ Alla, hu li jidħol għalina.’ Alla jaħfrilna u jagħmilna wliedu permezz ta’ Kristu: dan għandu jkun dejjem f’moħħna biex nifhmu kemm iħobbna Alla, u li hu biss Alla l-veru li jagħtina libertà u mħabba ta’ wlied. Nistaqsu lilna nfusna: jien min hu verament alla tiegħi? Nemmen verament li Alla ta’ Ġesù Kristu biss li jħobbni u li jagħmilni verament ħieles? Kemm nemmen verament li Alla jħobbni?
Nitolbuk Mulej biex tgħinna niskopru verament x’hemm f’qalbna u min hu verament alla tagħna. Għinna ħalli nagħżlu lil Alla Missierek bħala Alla tagħna, għax fih biss nsibu dak li verament għandna bżonn, jiġifieri Alla li jħobbna bi mħabba bla qies, Alla li fiK jagħti lilu nnifsu għalina. Ammen.